Is-Sindku tal-Belt jipproponi li darba fil-ġimgħa l-ħwienet fil-Kapitali jibqgħu miftuħa sat-tard

Jidher li din il-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Kummerċjali ta' Triq ir-Repubblika

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qiegħed jipproponi li minn tal-inqas darba fil-ġimgħa, il-ħwienet fil-kapitali jibqgħu miftuħa sa tard bil-lejl fejn il-Kunsill Lokali jkun parteċipi billi jorganizza attivitajiet fit-toroq tal-Belt Valletta.

Zammit ippropona dan waqt laqgħa ta' korteżija li għamet lill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Kummerċjali ta' Triq ir-Repubblika u jidher li ntlaqgħet tajjeb, tant li fi stqarrija, il-Kunsill Lokali Belti qal li se jkun qed jagħti aktar dettalji fi żmien qasir.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Paul Fenech, President tal-Assoċjazzjoni, tkellem dwar ix-xogħol li wettqet l-RSBCA fl-aħħar snin fosthom meta għamlet pressjoni biex jitneħħew il-wajers minn mal-faċċati u biex sar il-lift tal-Barrakka fost oħrajn.

Huwa tkellem dwra il-bżonn li jiżdied l-għamara fit-toroq u anke biex l-indafa ta' Triq ir-Repubblika tissaħħaħ.

"Veru żdied it-turiżmu, iżda mhux kollu huwa ta' kwalità," ilmenta Fenech.

Min-naħa tiegħu, Alfred Zammit tkellem dwar l-importanza li jinstab bilanċ bejn il-Komunità Kummerċjali u r-residenti Beltin.

Insista li huwa pro-business u li se jkun qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lin-negozji tal-Belt Valletta waqt li se jitlob ukoll l-għajnuna tal-Gvern.

Tkellem ukoll dwar proġett ta' parkeġġ li għandu f'moħħu l-Kunsill Lokali u insista li ser ikun qiegħed jitkellem mad-Dipartiment tal-Artijiet biex dan il-proġett jseħħ.

"Dan se jkun ta' benefiċċju għal dawk kollha li jżuru l-Belt,' insista Zammit waqt li saħaq li ser ikun hemm inċentivi għall-parkeġġ għar-residenti Beltin u l-familji tagħhom.

More in Politika