Direttiva li tipproponi introduzzjoni ta' leave għal missirijiet issir liġi tal-UE

Tidħol Direttiva, innegozjata mill-MEP tal-PN David Casa, li tipproponi l-introduzzjoni ta' leave ġdid lil missirijiet u anke lill-carers 

Illum, id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol ġiet iffirmata f’liġi tal-UE. Il-liġi l-ġdida ġiet iffirmata fil-Parlament Ewropew fi Brussell mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, fejn preżenti kien hemm ukoll ir-rapporter tal-Parlament u n-negozjatur ewlieni l-MEP David Casa.

Waqt li kien qed jitkellem wara li l-President Tajani ffirma d-direttiva f’liġi ġdida, l-MEP Casa qal li l-Istati Membri kollha, nkluż Malta, għandhom jibdew il-proċess biex jintroduċu d-drittijiet inklużi fid-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol.

B'din id-direttiva diversi drittijiet għandhom jidħlu fis-seħħ fi żmien tliet snin. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ 10 ġranet ta’ leave mħallas għall-missirijiet, xahrejn ta’ leave mħallas għall-ġenituri, ħamest’ijiem ta’ leave fis-sena għall-carers u d-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli. Casa sostna li din il-liġi hi vestiment dirett fil-familji kollha tal-UE. Se tassigura li r-responsabbiltajiet bejn l-irġiel u n-nisa jitqassmu kif suppost, u għalhekk se tonqos id-differenza fix-xogħol, fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.”

L-MEP Malti tal-PN mexxa n-negozjati għan-nom tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill, biex jassigura li d-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol tirrifletti r-realtaijiet tal-lum u tassigura li d-drittijiet il-ġodda ma jħallux impatt kbir fuq in-negozji, speċjalment l-SMEs. 

More in Politika