'Prova li l-poplu jista' jagħmel differenza'

Moviment Graffitti u dawk li appellaw mid-deċiżjoni jisħqu li r-revoka tal-permess tal-proġett tad-db huwa prova li meta l-poplu jqum jista' jagħmel differenza

Residenti, NGOs u tliet Kunsilli Lokali laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li l-permess għall-proġett tal-Grupp db ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ ġie revokat mill-Qorti tal-Appell, b’reazzjoni għall-azzjoni legali li kienu rreġistraw huma stess.

Aktar kmieni llum, il-Qorti tal-Appell sabet li Matthew Pace, membru tal-Bord tal-Ippjanar, kellu kunflitt ta’ interess hekk kif il-kumpanija tiegħu kienet qed tbiegħ partijiet minn dan l-iżvilupp saħansitra qabel ma kien maħruġ il-permess. 

"Dan kien każ twil, mill-ewwel laqgħat mal-grupp ewlieni tar-residenti konċernati, għal-laqgħa pubblika biex tiġi diskussa mal-komunità d-direzzjoni li se tittieħed, għal-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar fejn kellu jinbidel il-post fejn saret minħabba l-interess qawwi li ntwera fiha mill-poplu, u mbagħad għat-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, fejn appellajna kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar, u fl-aħħar għall-Qorti tal-Appell," tfakkar fi stqarrija konġunta mibgħuta mill-Moviment Graffitti.

L-istqarrija tfaħħar lir-residenti ta’ Pembrok talli "qamu u semmgħu leħinhom."

"Meta raw li saħħithom u l-kwalità tal-ħajja tagħhom kienu mhedda, li l-prospetti għall-futur tagħhom kienu se jiġu midfunin ħajjin, ma ċedewx, minkejja li kienu qed jiffaċċjaw ostakli kbar," kompliet l-istqarrija. "Nixtiequ nirrikonoxxu wkoll il-kontribut siewi tat-tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi – li warrbu kull interess partiġġjan u ġġieldu għall-benesseri tal-komunitajiet tagħhom."

Faħħru wkoll lit-tim ta’ avukati u periti magħmul minn Claire Bonello, Ian Vella Galea u Malcolm Mifsud, u l-Periti Tara Cassar u John Ebejer.

Din l-azzjoni legali kienet reġistrata minn 

  • Tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi i
  • Erba’ NGOs: Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta
  • Disa’ residenti

More in Politika