‘Ma nħossnix parti minn fazzjoni jew oħra… jiena parti mill-Partit Nazzjonalista’

L-ILLUM tiltaqa’ ma' Kevin Cutajar u tistaqsih u ssir tafu aktar. X’wasslu biex daħal fil-politika? Kien hemm min qatagħlu qalbu? Ma weġġgħux il-fatt li ma kienx l-għażla naturali tal-Eżekuttiv? Delia għandu jirriżenja? X’se jsir mill-PN?

‘Jiena kont ħlift ħalfa miegħi nnifsi li jiġri x’jiġri u jgħidu x’jgħidu jiena ma naqta’ qalbi qatt.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM l-Avukat Kevin Cutajar li nhar it-Tnejn li għadda ħa l-ġurament bħala Deputat Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja tal-eks Deputat David Stellini.

Qabel staqsejnieh fuq il-politika, il-co-option tiegħu u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, xtaqna nsiru nafu aħjar lil Cutajar u l-ħajra tiegħu li jidħol fil-politika u l-isfidi li jiltaqa’ magħhom minħabba d-diżabilità tiegħu.

Cutajar spjega magħna kif tilef il-vista, bħal sajjetta fil-bnazzi, meta kellu 13-il sena.

“Għall-bidu kienet traġedja,” saħaq id-Deputat sakemm darba fost oħrajn għamel patt miegħu nnifsu li ma jaqta’ qalbu qatt. “Dik wegħda li għamilt miegħi nnifsi u se nżommha sal-mewt.”

Minn hemm, Cutajar qatt ma ħares lura. Fi kliemu, meta tibda tirraġuna b’dan il-mod, ma tibqax tħares lejn id-diżabilità bħala traġedja iżda bħala sfida.

“Dan jaqleb kollox ta’ taħt fuq… jiddependi kif tħares lejhom l-affarijiet. Jekk tħares lejha bħala traġedja tista’ tindifen għax mhux se tinqala’ minnha. Se tispiċċa b’dipressjoni, dwejjaq, tara kollox iswed. Jekk taraha bħala sfida se tagħmel ħiltek biex tegħlibha,” saħaq l-Avukat Cutajar. “Din hija l-filosofija li wasslitni biex nagħmel dak li għamilt.”

Illum Cutajar huwa Deputat Parlamentari. Kien hemm min faħħar il-fatt li huwa l-ewwel Deputat b’diżabilità iżda kien hemm min qabblu mal-eks Ministru Laburista Lino Spiteri li wkoll kellu diżabilità. Iżda dan il-paragun ma tantx jinżel tajjeb mad-Deputat.

“Lino Spiteri llum huwa ġgant tal-politika Maltija. Jiena ma jiena xejn,” insista Cutajar.

Lanqas ma jaqbel li jkun hemm min joqgħod jiftaħar bil-fatt li huwa l-ewwel persuna b’diżabilità fil-Parlament Malti għax fi kliemu dan ifisser li l-persuni kollha b’diżabilità jkunu qed jitpoġġew f’keffa waħda.

“Kull diżabilità għandha l-bżonnijiet tagħha. Ma nafux jekk kienx hemm Deputati li kellhom diżabilità moħbija,” saħaq Cutajar. “Jiena nkun l-ewwel, it-tieni u t-tielet ma tagħmillix differenza.”

Meta beda fil-politika u għaliex?

Li jkun fil-Parlament ilha ħafna xewqa tal-Avukat Cutajar. Illum għandu 41 sena, iżda ilu tiela’ l-iskaluni tal-politika minn meta kellu 20 sena.

“Jiena bdejt u għadni fil-volontarjat. Tajt ħafna ħin għall-qasam tal-persuni b’diżabilità. Minn hemm nibtet l-idea li nkun ta’ kontribut għas-soċjetà,” spjega d-Deputat.

Jiena tip ta’ bniedem li jekk tgħidli li ma nistax nagħmel xi ħaġa se nisfidak u ħa nagħmel minn kollox biex nagħmilha

Staqsejnieh jekk jiftakarx dak il-mument meta għall-ewwel darba tħajjar joħroġ għall-politika u spjega kif interessa ruħu aktar fiha meta kien qed jistudja l-liġi Kostituzzjonali fl-Università ta’ Malta.

“Minn hemm ’il quddiem bdejt ninvolvi ruħi aktar. Wara l-għaqdiet volontarji, ħriġt erba’ darbiet għall-Kunsill Lokali, ħriġt darbtejn għall-Elezzjoni Ġenerali u darba għall-Parlament Ewropew,” saħaq Cutajar.

‘Dejjem sibt min jaqtagħli qalbi’

Iżda kemm ilu fil-politika, ġieli kien hemm xi ħadd li pprova jaqtagħlu qalbu minħabba l-fatt li hu nieqes mill-vista? “Dejjem. Mhux fil-politika biss imma f’ħajti kollha,” kien pront iwieġeb.

Madanakollu, il-filosofija ta’ Cutajar terġa’ tidħol fis-seħħ u ftit li xejn jagħti kas kummenti bħal dawn.

“Jiena tip ta’ bniedem li jekk tgħidli li ma nistax nagħmel xi ħaġa jiena se nisfidak u ħa nagħmel minn kollox biex nagħmilha,” kompla jgħidilna. “Dak huwa l-karattru tiegħi… aktar milli nagħti risposta lil xi ħadd, nagħti risposta lili nnifsi. Jekk xi ħadd se jara fija limitu, jiena se nara kif se ndur ma’ dak il-limitu jew naqbżu.”

Fil-fatt, stqarr magħna, kif sena wara li tilef il-vista, ftit kienu dawk li emmnu fih, forsi aktar u aktar għax huwa Għawdxi u dak iż-żmien, ir-riżorsi f’Għawdex kienu ħafna inqas minn dawk f’Malta.

Minkejja dan huwa għażel li jibqa’ jmur l-iskola qisu qatt ma kien xejn u għajnuna sab ħafna wkoll, partikolarment mill-għalliema.

Iżda l-messaġġ ta’ ħafna nies kien: “issa tlift il-vista u ntilef kollox. Sib xi xogħol ħafif, forsi mal-Gvern. Dik kienet il-mentalità dak iż-żmien,” saħaq Cutajar. “Jiena kelli aspirazzjonijiet oħra. Kelli ħafna pjanijiet biex nibqa’ nistudja. Irribellajt u rribellajt bil-kbir.”

‘Jiena rrid inkun kapaċi nasal bl-abbilitajiet tiegħi’

Tkellimna wkoll dwar il-possibilitajiet li għandhom il-persuni b’diżabilità. Nitkellmu ħafna fuq in-nisa u l-importanza li jimxu ’l quddiem u saħansitra qed nitkellmu fuq kwoti u mekkaniżmi għal aktar nisa fil-Parlament. Għalfejn ma nitkellmux bl-istess mod fuq persuni b’diżabilità, kif nistgħu nassiguraw li aktar persuni b’diżabilità jilħqu wkoll pożizzjonijiet importanti?

Cutajar kien skjett u mill-ewwel wera x-xettiċiżmu tiegħu fuq kwoti, għax fi kliemu, hu jemmen aktar fl-abbilitajiet tal-bniedem.

“Li ngħid: ‘jiena qiegħed fuq din il-mejda għax nieqes mid-dawl,’ ma naqbilx magħha. Jiena rrid inkun kapaċi nasal bl-abbiltajiet tiegħi,” insista Cutajar.

Staqsejnieh jekk hemmx biżżejjed għajnuna għall-persuni b’diżabilità li jkunu jixtiequ jidħlu għall-politika.

“L-għajnuna qatt mhija biżżejjed iżda inti trid tagħraf tuża dik l-għajnuna bl-aħjar mod,” saħaq Cutajar. “Fadal ħafna x’jista’ jsir. Imma jekk inħares lura minn meta tlift il-vista, sar ħafna.”

‘Aktar milli nuqqas ta’ għajnuna hawn nuqqas ta’ ħsieb’

Kien hawn li saħaq li aktar milli nuqqas ta’ għajnuna jew ta’ fondi, jeżisti aktar nuqqas ta’ ħsieb.

“Ħa nuża eżempju li nsib jien ma’ wiċċi kull filgħodu. Li int ħriġt borża taż-żibel u tfajtha kif ġie ġie fuq il-bankina huwa xi ftit ta’ egoiżmu. Possibbli ma taħsibx ftit li dik il-bankina jrid jużaha xi ħadd? Diġà l-bankini tagħna huma prekarji. Hija ironija li f’dan il-pajjiż aktar sigur timxi fit-triq milli fuq il-bankina,” insista d-Deputat Cutajar.

Madanakollu saħaq li għajnuna lil dawk il-persuni b’diżabilità li jixtiequ jidħlu fil-politika hija importanti, għax fi kliemu, il-politika fiha nnifisha, diġà tfisser ambjent kompetittiv u min dieħel fiha b’diżabilità, l-isfida se tkun aktar iebsa.

Ma jdejqux il-fatt li ma kienx l-għażla naturali tal-Eżekuttiv?

Wara li sirna nafu aħjar lil Kevin Cutajar, qlibna d-diskors biex nitkellmu dwar il-co-option tiegħu u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Ma stajniex ma nistaqsuhx fuq il-co-option u l-kontroversji kollha li nqalgħu dwarha.

Kif iħossu dwar il-fatt li hu ma kienx l-għażla naturali tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista hekk kif kellhom jinqalgħu l-irwiefen kollha qabel dan qabel b’mod unanimu dwar il-co-option tiegħu?

Cutajar ma tantx jinkwetah dan il-fatt. “Dik hija l-politika. Il-politika hija logħba, fejn għandek argument u tipprova tipperswadi bih. Kif kien jgħid Guido de Marco, il-politika hija eżerċizzju ta’ persważjoni. Ma rnexxilix mal-ewwel darba, irnexxieli aktar tard. Kwistjonijiet bħal dawn jiġru u jeżistu f’kull partit politiku, iżda l-każ tiegħi kien irrappurtat mill-midja b’mod spettakolari.”

Kien hawn li d-Deputat insista li l-politika toffri lok fejn persuni differenti jħabbtu l-argumenti u jirbaħ min jikkonvinċi l-aktar.

Jiena nitkellem ma’ kulħadd fil-Partit Nazzjonalista. Il-fiduċja tiegħi dejjem urejtha

Iżda staqsjenieh jekk dejqux il-fatt li l-amministrazzjoni tal-partit, li kienet qed timbotta l-co-option ta’ Jean Pierre Debono, ma fehmitx mill-ewwel l-argument tiegħu u ta’ sħabu, jiġifieri li s-siġġu ta’ David Stellini kellu jibqa’ Għawdex.

“L-aktar ħaġa importanti li fehmet wara. Aħjar tard milli qatt. Dawn affarijiet normali fil-politika u ma nafx għalfejn qam dan l-għagħa kollu,” tenna Cutajar.

Spjega wkoll kif hu tkellem ma’ Jean Pierre Debono u spjegalu għalfejn jaħseb li jkun jagħmel aktar sens li s-siġġu jibqa’ Għawdex, iżda saħaq li Debono kellu wkoll l-argumenti tiegħu li hu kien jaħseb li huma ġusti.

“Għidtlu aħna mmorru quddiem l-eżekuttiv,” insista Cutajar. “Ħadd ma ħareġ tellief jew rebbieħ.”

Iżda tlabnieh jiċċara wkoll il-kwistjoni dwar il-voti fil-Kumitat Eżekuttiv u l-fatt li kien hemm żewġ membri, David Stellini u l-eks Teżorier David Camilleri li ma kellhomx jivvutaw. Cutajar kellu l-lista ta’ min kien se jivvota. Għalfejn inqala’ pandemonju wara l-vot.

“Din il-mistoqsija jista’ jweġibha min ifformola dik il-lista,” saħaq Cutajar. “Jiena serraħt fuq il-lista li tawni. Mhux kompitu tiegħi li nara min għandu jivvota u le… jiena nemmen dejjem fil-buona fede tal-Partit Nazzjonalista. Allaħares nitilfu l-fiduċja f’xulxin.”

‘Dejjem urejt il-fiduċja tiegħi… hekk għandu jkun’

Kien hawn li allura staqsejnieh hekk teżistix fiduċja. Id-deputati għandhom fiduċja fil-Kap, it-tmexxija u viċi versa?

“Jiena nitkellem ma’ kulħadd fil-Partit Nazzjonalista. Il-fiduċja tiegħi dejjem urejtha. Sakemm il-Partit jibqa’ bit-tmexxija preżenti jiena nibqa’ nsegwiha. Naħseb li hekk għandu jkun. Inkella kif se timxi ’l quddiem?” staqsa Cutajar waqt li tenna li jinstemgħu ħafna xnigħat li huma esaġerati.

Staqsejnieh ukoll dwar il-fatt li hu kien l-aktar imbuttat minn dawk id-deputati li huwa sigriet magħruf li ma jappoġġjawx it-tmexxija ta’ Adrian Delia. Kien hemm min saħansitra qal li qed jimbuttawh ’il quddiem, għax jaħsibha bħalihom. X’jaħseb Cutajar?

“Fuq il-midja soċjali ntqalu ħafna affarijiet. Kulħadd ifajjar u jgħid li jrid… jien ma nħossnix parti minn fazzjoni jew oħra. Jiena parti mill-Partit Nazzjonalista,” saħaq l-Avukat Cutajar.

‘Il-qasma li ħafna jitkellmu fuqha hija esaġerata’

Insista li bħal kull partit politiku hemm kurrenti ta’ ħsieb, kultant ikunu aktar qrib xulxin u xi kultant aktar imbiegħda. Fi kliemu, anke l-qasma, li ħafna jitkellmu fuqha, hija esaġerata.

“Il-politika hija riflessjoni ta’ dak li jiġri fil-ħajja, anke f’familja jkun hemm min jaħsibha mod u min ieħor,” saħaq Cutajar. “Jiena nħossni parti minn din il-familja Nazzjonalista. Dejjem emmint fil-prinċipji tal-Partit. Jiena nħossni Demokristjan. Kburi li din hija mentalità li għażilt jiena. Jiena l-fehmiet tiegħi ma jagħżilhomli ħadd.”

Delia u t-tmexxija għandha tirriżenja?

Iżda jibqa’ l-fatt li dawn il-kurrenti ta’ ħsieb fil-Partit Nazzjonalista qatt ma kienu daqshekk qawwija kontra xulxin. Illum Cutajar huwa parti mill-Grupp Parlamentari u daħal ftit jiem biss wara li l-Partit Nazzjonalista ġarrab telfiet elettorali kbar. It-tmexxija għandha tassumi r-responsabbilità? X’inhi t-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista?

It-tweġiba ta’ Cutajar reġgħet kienet li ma jafx għalfejn hawn dan l-għaġeb kollu.

“It-telfa ma kinitx sabiħa… Mhux naturali li wieħed jistaqsi u jibda jagħmel il-mistoqsijiet u jgħid li hemm responsabbilità li trid tinġarr? Hija xi ħaġa normali. Jgħidha kull partit wara li jkun ġarrab telfa bħal dik. L-importanti li l-affarijiet isiru bil-buon sens,” insista d-Deputat. “Aħna qegħdin hemm biex inħarsu l-ġid tal-partit li taħtu kkontestajna.”

It-telfa ma kinitx sabiħa… Mhux naturali li wieħed jistaqsi u jibda jagħmel il-mistoqsijiet u jgħid li hemm responsabbilità li trid tinġarr?

Fi kliemu, kulħadd, kull min qiegħed fil-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel eżerċizzju waħdu u fil-kwiet u jistaqsi lilu nnifsu x’inhu sew f’dan l-istadju. “Hekk għamilt fil-każ tas-siġġu,” kompla jispjega Cutajar. “Deherli li dak kien il-buon sens.”

Imma Adrian Delia diġà qal li mhux se jwarrab u li mhu se jerfa’ l-ebda responsabbilità. Jista’ jimxi ’l quddiem il-partit? It-tweġiba ta’ Cutajar reġgħet kienet li f’dawn iċ-ċirkostanzi kulħadd, inkluż it-tmexxija, irid jagħmel riflessjoni u jipprova jifhem u jirraġuna x’jagħmel sens.

“U fl-opinjoni tiegħek x’jagħmel sens?” staqsejna lil Cutajar. “X’se tagħmel it-tmexxija hija domanda li trid tistaqsi lilhom… xi forma ta’ miżuri jridu jittieħdu żgur. Mhux qed ngħid li għandna nkeċċu lil xi ħadd, jew inwarrbu lil xi ħadd. Żgur li jridu jittieħdu miżuri… Ma nafx x’inhuma dawn il-miżuri, għadni qed nipprova nifhem u nanalizza, imma żgur li jridu jittieħdu… Jekk għandek bniedem li ma jiflaħx, tara x’inhi r-raġuni u tara x’mediċina se tagħtih biex tgħinu.”

Imma l-PN għadu rilevanti?

Staqsejna lil Cutajar jekk jaħsibx li minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista, l-akbar problema li għandu l-Partit hija li sar irrilevanti.

Id-Deputat kien skjett fit-tweġiba tiegħu u saħaq illi kien ikun irrelevanti kieku l-Partit Nazzjonalista ma ġabx vot.

“Sta għalik kemm tkun irrelevanti jew le… Li tgħid għandna diffikultajiet wieħed jasal li jaqbel magħha. Imma irrelevanti le. Allura x’jgħidu partiti oħra?” staqsa Cutajar.

X’jixtieq li jkunu s-setturi li jaħdem fuqhom?

Ħarisna wkoll lejn il-futur u liema setturi jixtieq li l-Kap tal-Oppożizzjoni jafdalu f’idu biex ikun il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwarhom.

Filwaqt li stqarr li lest jaħdem fuq dak kollu li jafdalu f’idu l-Kap Nazzjonalista, il-preferenzi tiegħu jibqgħu Għawdex u d-diżabilità.

Fl-aħħar nett staqsejnieh jekk il-Parlament Malti hux aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, mhux biss bħala struttura iżda anke bħala riżorsi.

“Illum ħadd ma għadu jaħdem bid-dokumenti. Jiena ffortunat li qed ngħix fi żmien ta’ revoluzzjoni diġitali. Jiena naħdem ħafna bil-mowbajl u bil-kompjuter. Kollox jitkellem għandi. Tista’ taqra dokument, temendah, tirreferi għalih,” spjegalna Cutajar.

Temm jisħaq li huwa grat ħafna u baqa’ impressjonat kemm l-istaff tal-Parlament, mill-Iskrivan tal-Kamra u d-Deputati tal-Kamra poġġew ruħhom disponibbli biex dak li hemm bżonn isir biex hu jkun jista’ jaqdi dmiru sew bħala Deputat.

More in Politika