Karol Aquilina jwieġeb lil Portelli; Imissu jgħid li hu ħabib ta' Yorgen Fenech

Pierre Portelli jwieġbu u jakkużah li kien inqabad jieħu flejjes minn kuntratturi

"Pierre Portelli jmissu jgħid li huwa ħabib personali ta' Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black." Hekk saħaq id-Deputat Nazzjonalista huwa u dieħel fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Aquilina twaqqaf mill-ġurnalisti li talbuh jirreaġixxi għall-fatt li Portelli fetaħ il-kanuni fuqu għax qed jirrappreżenta lil Manuel Delia f'kawża li kien fetaħ kontra NET Television.

Id-Deputat insista li hu kien il-Qorti ma' klijent tiegħu.

Kien hawn li saħaq li Pierre Portelli, li lbieraħ irriżenja miċ-Chairperson Eżekuttiv tal-midja tal-PN, jmissu jgħid li huwa ħabib ta' Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black li ddeskriviha bħala waħda korrotta.

Pierre Portelli jwieġeb, jispjega u jakkuża...

Pierre Portelli dlonk wieġbu fuq Facebook u saħaq li "Karol Aquilina ilu jipprova jagħti din l-istorja ffabbrikata lil diversi newsrooms iżda wara li xhur ilu jien tajt dettalji dwar relazzjoni professjonali li dejjem kelli mal-Grupp Tumas l-ebda newsroom ma ħasset li kellha tippublikaha."

"Aquilina jrid jgħid lill-ġurnalisti kif taħt il-Presidenza tiegħu tal-Kunsill Amministrattiv, il-PN inqabad jieħu flejjes minn kuntratturi u l-partit għadu sal-lum jissielet biex inaddaf ismu quddiem il-Kummissjoni Elettorali," kompla jitkeb Portelli. "Dakinhar la rriżenja hu u lanqas ta' fuqu."

Fakkar ukoll li hu kien il-ġurnalist li ppubblika siltiet minn rapport tal-FIAU li fihom ġiet ikkonfermata l-eżistenza ta' 17 Black.

"Hemm ħafna iżjed li Karol Aquilina għandu xi jwieġeb iżda kollox f'ħinu," temm jgħid Portelli.

More in Politika