L-istudji ġeoloġiċi u ġeotekniċi jridu jsiru bilfors qabel jibdew xogħlijiet ta' skavar

Kif tħabbar il-ġimgħa li għaddiet, illum il-Gvern nieda sett ta’ regolamenti ġodda dwar xogħol ta’ kostruzzjoni 

Kif imwiegħed wara l-aħħar inċidenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern illum nieda konsultazzjoni pubblika dwar sett ta’ regolamenti ġodda dwar xogħol ta’ kostruzzjoni qabel mal-infurzar jgħaddi f’idejn l-Awtorità Maltija għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li l-liġi dwarha għadha qed tkun imħejjija.

Fost oħrajn, l-istudji ġeoloġiċi u ġeotekniċi se jkunu meħtieġa f’kull każ ta’ xogħol ta’ skavar. F’dan ir-rapport, il-perit irid janalizza minn qabel, fost affarijiet oħra, it-tip u l-karatteristiċi tal-blat, il-ġeometrija tal-blat u jekk għandux fissuri sabiex ikun jista’ jasal għall-istabbilità tal-pedament, l-istrength characteristics tal-blat innifsu u kif qed jaħdem strutturalment il-bini tal-madwar. 

"Huwa biss wara tali analiżi li l-perit ikun f’pożizzjoni li jindika eżattament x’tip ta’ makkinarju jista’ jintuża u miżuri li għandhom jittieħdu waqt l-iskavar. Dan ifisser li makkinarju bħal trenchers u chainsaws ma jistgħux jibqgħu jintużaw b’mod arbitrarju qrib l-appoġġi u fl-assenza ta’ geotechnical design report. Il-perit li se jiffirma il-geotechnical design report irid jieħu kunsiderazzjoni ta’ dan kollu," jispjega d-dokument.

Il-Periti u l-Managers tas-sit se jkunu obbligati jkunu fuq il-post meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar l-andament tax-xogħol.

Kif imħabbar, dawk li jkomplu jiskavaw wara li jkunu twaqqfu, jistgħu jaqilgħu multa sa €50,000.

Tressqu nwkoll numru ta’ proposti biex il-ħitan ta’ binjiet li jkunu jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni jkunu mħarsa minn kull periklu.

Min jiksirhom, jista’ jiġi mmultat €10,000.

Id-dokument jista’ jiġi aċċessat mis-sit elettroniku - www.konsultazzjoni.gov.mt.

More in Politika