Il-mexxejja tal-EUMed7 jaqblu li jaħdmu flimkien fuq l-immigrazzjoni u t-tibdil fil-klima

Il-mexxejja tas-seba' pajjiżi fin-Nofsinhar tal-UE ltaqgħu Malta lbieraħ għal summit li tratta l-futur tal-Ewropa

Il-mexxejja ta’ seba’ pajjiżi tal-Mediterran li ltaqgħu Malta lbieraħ qablu li jaħdmu flimkien fuq it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni waqt il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew.

Il-mexxejja ta’ Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugal u Spanja, flimkien mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja.

Muscat qal li s-seba’ pajjiżi qablu li l-kwistjonijiet tat-tibdil fl-kliema, it-tniġġis tal-arja u l-qalba għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew li se ssir bejn l-20 u l-21 ta’ Ġunju.

Il-Prim Ministru qal li l-mexxejja qablu wkoll li jaħdmu fuq l-immigrazzjoni u marbuta magħha r-riforma li fi kliemu hemm bżonn fis-Schengen u anke l-libertà tal-moviment.

L-ewwel ma wasal kien il-President Franċiż Emmenual Macron li ngħata merħba minn Muscat quddiem Kastilja qabel ma kellhom laqgħa privata flimkien, fejn iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Libja, l-immigrazzjoni u kwistjonijiet oħra Ewropej.

Muscat irrefera għal-Libja bħala ġar importanti waqt li saħaq li Malta hija inkwetata immens bis-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż.

Tul il-konferenza, il-Prim Ministru Malti ddikjara wkoll l-appoġġ tal-EUMed7 għal Ċipru fid-dawl tal-aħħar tensjonijiet li eskalaw mat-Turkija.

More in Politika