'Iċ-ċentru tad-detox għandu jiġi rilokat’ - Is-Sindku tal-Pietà

Is-Sindku ta’ Tal-Pietà Keith Tanti iwieġeb għat-tħassib u l-ilmenti tar-residenti u jgħid li ċ-ċentru tad-Detox maġenb l-Isptar San Luqa għandu jkun rilokat

Iċ-ċentru tad-Detox ġewwa f’Tal-Pietà
Iċ-ċentru tad-Detox ġewwa f’Tal-Pietà

Ġimgħatejn ilu qalb l-għajjat u l-ewforija fis-sala tal-għadd tal-voti, Keith Tanti reġa’ kien ikkonfermat mill-ġdid sindku f’Tal-Pietà. F’riżultat tista’ tgħid storiku, Tanti u l-kollegi tiegħu Laburisti rnexxielhom iżidu kważi 20% fuq ir-riżultat tal-istess elezzjoni fl-2013, bil-Partit Laburista finalment jikseb rekord ta’ 69.3% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb biss 30.6%. Dan f’lokalità li sa ftit żmien ilu kienet titqies bħala fortizza Nazzjonalista.

Fid-dawl ta’ dan l-ILLLUM tkellmet mas-Sindku Keith Tanti fuq dan ir-riżultat eċċellenti, l-isfidi prinċipali f’Tal-Pietà u l-ewwel proġetti ta’ xogħol mill-Kunsill f’din il-lokalità.

X’wassal għar-riżultat storiku f’Tal-Pietà?

Mistoqsi x’jaħseb li wassal għal dan ir-riżultat eċċellenti fl-elezzjonijiet tal-2019, Tanti kien pront jisħaq li dan kien mertu tal-Gvern u tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Kunsill. Fl-istess waqt huwa qal li dan kien mertu tal-istat ħażin ħafna li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista. “Tradizzjonalment din il-lokalità kienet titqies bħala fortizza Nazzjonalista. Fl-2009, il-PN kellu maġġoranza ta’ 52% mbagħad fl-2013 il-Partit Labrusita rnexxielu jikseb il-maġġoranza.”

Is-Sindku Tal-Pietà Keith Tanti
Is-Sindku Tal-Pietà Keith Tanti

Din il-gazzetta staqsiet lil Tanti sabiex jelenka xi wħud mill-isfidi primarji fil-ħidma tal-Kunsill Lokali għaż-żmien li ġej. Fuq din Tanti qal li “ovvjament il-miri tiegħi jsegwu l-manifest tal-partit li jien se nkun qiegħed nara biex jitwettqu.”

Minkejja dan huwa qal li fi żmien li ġej se jkun hemm xi proġetti speċifiċi li l-Kunsill se jkun qiegħed iwettaq it-triq għalihom fosthom diversi proġetti ta’ tisbieħ madwar il-lokalità. Apparti minn dan però, Tanti żvela li fiż-żmien li ġej il-Kunsill se jkun qiegħed jitfa’ applikazzjonijiet sabiex jiġu żviluppati dog parks u cat cafes fil-Pietà.

Staqsejna lis-Sindku jekk iċ-ċentru tad-Detox biswit l-Isptar San Luqa jinsabx ukoll fil-mira tal-Kunsill, hekk kif diversi residenti jilmentaw dwar dan il-fatt.

Min-naħa tiegħu, Tanti spjega li huwa fatt li diversi residenti għandhom tħassib dwar dan iċ-ċentru. “Naturalment wieħed irid jitkellem fuq din il-problema b’ċertu rispett, dan għaliex dawn huma persuni li qegħdin ibatu bil-problema tad-droga.” Minkejja dan, Tanti qal li ħafna drabi t-tħassib tar-residenti jkun imqanqal minn reati kriminali assoċjati ma’ dawn il-problemi u għalhekk ikun, “aktar għaqli li dan iċ-ċentru jimxi xi mkien ieħor.” Mistoqsi jekk fil-probabbilità li jimxi jfissirx li din il-problema se tkun qiegħda tintefa’ fuq lokalità oħra, is-Sindku ċaħad u qal li hemm aktar postijiet denji għal dan iċ-ċentru bħall-Isptar Mater Dei.

More in Politika