L-MDA tisħaq li qed isir skavar mingħajr l-istudji neċessarji

L-Assoċjazzjoni qed tappella għal sett ta’ regolamenti għal dawk is-siti ta’ kostruzzjoni fejn se jkun qed jitwaqqa’ bini li jmiss ma’ ieħor

Sandro Chetcuti
Sandro Chetcuti

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi appellat lill-awtoritajiet biex immedjatament jitwaqqaf kumitat li jfassal sett ta’ regolamenti għal dawk is-siti ta’ kostruzzjoni fejn se jkun qed jitwaqqa’ bini li jmiss ma’ ieħor.

Fi stqarrija, wara l-inċident ta’ dalgħodu fi Gwardamangia, l-MDA saħqet li qed isir skavar mingħajr ma tiġi studjata l-istruttura tal-ħitan tal-binjiet li jkunu jmissu mas-sit tal-kostruzzjoni.

Appellat biex ħadd ma jassumi li dawn il-ħitan huma stabbli.

L-Assoċjazzjoni saħqet li se tkun qed tappoġġja lill-Gvern f’kull deċiżjoni li tittieħed bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-pubbliku.

Intant fi stqarrija il-Partit Demokratiku qal li “l-inċidenti riċenti ta’ kollass ta’ binjiet fil-Mellieha u G’Mangia biswit siti tal-kostruzzjoni ma fetħulniex biss għajnejna, imma huma sintomi ta’ sistema dgħajfa li għandha bżonn titranġa b’mod urġenti u tittieħed responsabbiltà għalihom."

"Din l-industrija saret il-qafas tal-politika ekonimika tal-Gvern. Saret ir-raġuni għaliex għandna inċidenza dejjem tikber ta’ mard kroniku respiratorju, u żdieda f’imwiet minħabba nuqqas ta’ osservanza u infurzar ta’ standards ta’ saħħa u sigurtà,” stqarret Camilla Appelgren.

Fl-istess waqt il-PD qal li wara li analizza d-dokument li ħarget il-Kamra tal-Periti ‘A modern building and construction regulation framework for Malta’. Dan l-istudju professjonali juri l-mod kif għandu jiġi regolarizzat dan is-settur. Inħeġġu lill-Gvern u l-Awtorità tal-Ippjanar biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, aktar u aktar minħabba li Malta m’għandhiex Policy Arkitettonika.

"In-nuqqas ta’ monitoraġġ effettiv u infurzar, flimkien ma’ ħaddiema li mhumiex bennejja tas-sengħa aggravat b’sitwazzjoni ta’ bini sfrenat qed iħallu impatt negattiv fuq il-komunitajiet tagħna. Il-PD jsejjaħ lill-Gvern jieħu responsabbiltà soċjali," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika