Il-Qorti mitluba tordna ministri biex jesebixxu l-kopji tal-inkjesta Egrant

Repubblika għamlet din it-talba wara li fi kliemha l-Ministri Mizzi, Cardona u Scicluna nqabdu jikkwotaw mir-rapport tal-inkjesta

L-NGO Repubblika għamlet talba urġenti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tordna Ministri tal-Gvern biex jesebixxu l-kopji tagħhom tal-inkjesta Egrant u dan wara li skont l-attivisti, il-Ministri Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona dehru li kienu qed jikkwotaw minnha waqt proċeduri tal-Qorti.

Fl-applikazzjoni tagħhom, iffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi, l-attivisti saħqu li skont il-liġi, kull dokument li jsemmi xhud jew inkella parti f’każ irid ikun jew fid-dominju pubbliku jew inkella jkun aċċessibbli għall-parti l-oħra u l-Qorti.

Repubblika insistew li l-Ministri qed jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.

L-applikazzjoni tisħaq li l-Ministri ‘inqabdu’ jikkwotaw partijiet mill-1,500 paġna tal-inkjesta li ma kinux parti mill-55 paġna li ġew ippubblikati.

Kien għalhekk li Repubblika qed titlob lil Qorti biex din tordna lill-Ministri biex jesebixxu d-dokument sħiħ minn fejn kienu qed jikkwotaw.

L-attivisti minn Repubblika kienu ppreżentaw rikors quddiem il-Maġistrat tal-Għassa jitolbu li tinfetaħ inkjesta maġisterjali dwar dak li huma qed isejħulu “bħala skandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar ġenerali t’Għawdex.

Fir-rikors, Repubblika kienet saħqet li l-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi “taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti ta’ kumpanija privata biex tmexxi l-isptarijiet pubbliċi tagħna, meta din ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam mediku u ffangat b'miljuni ta' ewro minn fondi pubbliċi li ħadd ma jaf x'sar minnhom.”

L-attivisti qed jisħqu li l-aġir tal-Ministri jagħti lok għal suspett li f’dan il-każ kien hemm il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

More in Politika