Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Troffa xagħar tista' titfa' aktar dawl fuq id-delitt ta' Shannon Mak

Pulizija jirrakkuntaw kif waqt li kien qed jiġi arrestat, l-akkużat aġixxa daqslikieku kien qed jistenna lill-Pulizija

Yendrick Cioffi / 11 ta' Ġunju 2019 17:46
Troffa xagħar isfar tista’ titfa’ aktar dawk fuq il-qtil taż-żagħżugħa Shannon Mak li kienet instabet mejta f’Awwissu tal-2017 wara daqqiet ta’ sikkina f’għonqha.

Żagħżugħ ta’ 23 sena li għamel żmien is-sieħeb ta’ Mak qed ikun akkużat bil-qtil tagħha.

Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza, żewġ uffiċjali tal-Pulizija ppreżentaw rapport li ġabru wara li analizzaw kemm ix-xena tad-delitt u anke l-garaxx li fih kien jgħix l-akkużat fi Triq l-Istampaturi f’Santa Venera.

Huma spjegaw kif fil-garaxx sabu ftit xagħar twil isfar kif ukoll traċċi ta’ demm u 17-il sigarett.

Dawn kollha ntbagħtu għal testijiet forensiċi.

Aktar tard waqt l-istess smigħ, erba’ uffiċjali tal-Pulizija li arrestaw lill-eks sieħeb ta’ Mak spjegaw kif meta marru biex jarrestawh sabu liż-żagħżugħ bilqiegħda kalm jara t-televiżjoni.

L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għall-qraba tal-vittma, staqsa jekk l-akkużat staqsiex mistoqsijiet.

“Le. Aġixxa daqslikieku kien qed jistenna li se mmorru,” qal wieħed mill-uffiċjali waqt li spjega kif l-akkużat fl-ebda ħin ma staqsa lill-Pulizija għalfejn qed ikun arrestat.

Il-kumpilazzjoni se tkompli x-xahar id-dieħel.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook