Raġel akkużat li ta xebgħa lit-tfajla tiegħu waqt festin tal-magħmudija

Il-Qorti tiċħad it-talba tad-difiża għall-ħelsin mill-arrest

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel ta’ 28 sena mill-Ħamrun tressaq il-Qorti mixli b’vjolenza domestika. L-inċident imur lura għall-Ħadd illi għadda meta waqt festin tal-magħmudija l-akkużat allegatament aggredixxa u weġġa' b’mod ħafif lit-tfajla tiegħu.

Iżda mhux biss, hekk kif skont l-Ispettur Wayne Camilleri, ir-raġel irritorna fl-istess post fis-sigħat ta’ filgħaxija u hawnhekk reġa’ kien involut fi ġlieda oħra mal-ġar tiegħu.

Fil-Qorti huwa wieġeb mhux ħati li: kkawża feriti ħfief lit-tfajla tiegħu, li kawża ħsara fuq proprjetà u li darab b'mod ħafif lil-ġar tiegħu. Ir-raġel kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u li kien qiegħed iġorr sikkina bla permess tal-Pulizija.

L-avukat Yanika Bugeja talbet għall-ħelsin mill-arrest tal-akkużat, minħabba li skontha huwa wkoll kien spiċċa midrub waqt dawn l-argumenti. Skonta l-akkużat kien qiegħed biss jiddefendi lilu nnifsu u li l-vittmi f’dan il-każ kienu uċuħ familjari fil-Qorti.

 Hu mifhum li l-argument qam wara li l-akkużat ġie ordnat jitlaq minn ġo daru stess. Minkejja dan, l-Ispettur Camilleri spjega li l-akkużat kien ġie ordnat mill-Qorti biex ma jersaqx lejn din ir-residenza fil-Ħamrun.

Fi-dawl ta’ dan kollu, l-Maġistrat Micallef Strafrace irrifjutat it-talba tad-difiża għall-ħelsin mill-arrest u b’hekk ir-raġel qed jinżamm taħt arrest.

More in Politika