Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Godfrey Farrugia jgħid li qalb il-folla l-partitarji ma nstemgħux ikantaw kontra l-PN

Farrugia qal li meta refgħu lilu u bdew ikantaw 'Viva l-Labour,' talabhom biex iniżluh

Yendrick Cioffi / 11 ta' Ġunju 2019 13:38
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia rreaġixxa mas-sit illum.com.mt wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli tefa' filmat ta' Marlene Farrugia fuq l-ispalla waqt li partitarji tal-festa f'Ħaż-Żebbuġ bdew ikantaw kontra l-Partit Nazzjonalista.

F'kummenti ma' dan is-sit, Farrugia insista li f'dak il-ħin, il-persuni li kienu ħdejhom ma nstemgħux ikantaw kontra l-Partit Laburista.

"Jista' jkun li bdew ikantaw xi ftit nies li kienu viċin min ġibed il-filmat iżda ħdejna ma nstema' xejn," insista Farrugia.

Farrugia saħansitra qal li f'ħin minnhom persuni refgħu lilu u s-sala bdiet tħajjat: "Viva l-Labour," iżda hu waqaf mili jifraħ magħhom u talabhom iniżluh.

Insista magħna li kemm hu u anke Marlene Farrugia jinżlu l-festa għax huma diltennati u għandhom għal qalbhom din il-festa ta' raħal twelidu.

Fakkar li huma membri onorarji tal-istess każin u jattendu kull sena biex jifirħu mal-partitarji waqt il-marċ tal-festa.

Għall-kuntrarju ta' dak li qal Clyde Puli, Farrugia insista magħna li l-festa hija ċelebrazzjoni ta' għaqda u mhux ta' mibegħda.

Intant, aktar tard, Marlene Farrugia wkoll irreaġixxiet u saħqet li Puli jinsab f'paniku. 

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook