Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Analiżi | Muscat: jitlaq jew jibqa’? U min jista’ jeħodlu postu...

Bħalissa ħafna mill-attenzjoni tinsab fuq il-Partit Nazzjonalista, imma fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku x’se jiġri? Se jibqa’ Joseph Muscat Mexxej Laburista u Prim Ministru jew se jirreżenja?

Albert Gauci Cunningham / 11 ta' Ġunju 2019 09:34
Minkejja li l-attenzjoni bħalissa hija fuq il-Partit Nazzjonalista, jista’ jkun li fiż-żmien li ġej din tinbidel u l-attenzjoni ddur fuq il-Partit Laburista. Issa lanqas għadu xi sigriet wisq li Muscat se jkun qed jitlaq, issa jew wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Minn wara l-kwinti tal-għajjat u ċ-ċapċip tar-rebħa kbira li għamel il-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll f’dik tal-Kunsilli Lokali, is-suġġett kien Joseph Muscat.

Il-maġġoranza assoluta tal-votanti Laburisti jridu li Muscat, għal diversi raġunijiet, imma speċjalment għal raġunijiet elettorali, jibqa’. Il-Laburisti qatt ma rebħu bil-kbir u qatt ma kienu minn fuq daqs kemm huma ma’ Muscat u allura huwa ovvju li dawk kollha li jgħożżu lill-Partit Laburista u s-suċċessi elettorali kbar tal-aħħar 10 snin, ma jridux lil Muscat jitlaq.

F’dan l-ispazju l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn għalfejn Muscat jaqbillu jibqa’ u għalfejn jaqbillu jitlaq, imma tħares ukoll lejn xenarji differenti u dawk li l-aktar li qed jissemmew bħala l-favoriti minfloku, jekk jitlaq.

Għalfejn Muscat jaqbillu jibqa’?

Muscat huwa bla dubju żiemel rebbieħ u kemm idum hu fit-tmun tal-Partit Laburista se jkun diffiċli ferm li tintilef elezzjoni mill-istess partit. Fl-aħħar elezzjoni Muscat reġa’ wera kif kapaċi jikkampanja b’qawwa, b’użu eċċezzjonali tal-kelma u b’konvinzjoni liema bħalha. Muscat wera illi matul is-snin għamel tajjeb għal dawk li abbandunaw lill-PL, billi daħħal demm ġdid u b’hekk dawk il-votanti li baqgħu d-dar kienu sostituti minn dawk li vvutaw l-ewwel darba lill-PL, kemm żgħażagħ u anke persuni li vvutaw PN sal-elezzjoni li għaddiet.

Muscat jaqbillu jibqa’ għax jaf li l-probabbilità hija li jekk ma sseħħx xi katastrofi kbira, huwa jibqa’ jmexxi u jirbaħ.

Iktar minn kollox iżda Muscat jibqa’ l-kolla li żżomm flimkien konservattivi u liberali, soċjalisti u kapitalisti, kuntratturi u ambjentalisti, kif ukoll sinjuruni u foqra. Hija din il-kolla li tat u tiggarantixxi r-rebħ u suċċessi elettorali. Ladarba ma jibqax Muscat m’hemmx ċertezzi li din il-koalizzjoni enormi ta’ votanti se tibqa’.

Il-Mexxej Laburista għandu l-appoġġ assolut tal-Laburisti u allura t-tmexxija tiegħu qajla tista’ tkun f’dubju.

Jekk jirriżenja din is-sena jew id-dieħla Muscat ikun għamel sitta jew seba’ snin bħala Prim Ministru li fil-fatt huwa inqas minn Lawrence Gonzi, li dam disa’ snin Prim Ministru, inqas minn Dom Mintoff, inqas minn Eddie Fenech Adami u iktar minn Alfred Sant u Karmenu Mifsud Bonnici biss. Jiġifieri Muscat lanqas ikun dam ħafna fil-kariga.

Imma ħafna aktar minn hekk, jekk jirriżenja din is-sena jew id-dieħla Muscat lanqas biss ikun għamel it-tul massimu ta’ leġiżlatura waħda. L-ewwel leġiżlatura kellha tieqaf sena qabel iż-żmien minħabba akkużi serji fil-konfront ta’ Muscat u klima politika taħraq u f’din ikun irriżenja. Minkejja li jkun rebaħ bil-kbir u għamel suċċessi ħafna ikbar minn mexxejja Nazzjonalisti u anke Laburisti, ikun l-unika wieħed li m’għamilx tul ta’ leġiżlatura waħda.

Għalfejn ma jaqbillux jibqa’?

Għax il-futur ħadd ma jafu, Muscat ma jafx hux se jitla’ aktar jew inkella hux se jaqbad it-triq tan-niżla.

Minkejja li kif għidna s’issa renxxielu jisostitwixxi l-voti li tilef b’ġodda, m’għandux garanzija li se jibqa’ jagħmel dan. Jista’ jkun li dik ta’ ġimgħa ilu, b’distakk ta’ 43,000 kienet l-ikbar rebħa li għamel u li se jkun diffiċli li jżid fuq dan in-numru.

Li hu żgur huwa li għal din l-elezzjoni persentaġġ ta’ Laburisti ma vvotawx, ħassru l-vot (b’xi sinjal fuq il-kandidati Laburisti) jew inkella ddeċidew li jivvutaw fl-aħħar. Dawn ilkoll huma sinjali ta’ skuntentizza, sinjali li għadhom żgħar u insinifikanti għalissa imma li jistgħu jikbru jekk il-partit ma jismax minn Muscat stess li wissa kontra l-arroganza. Muscat wissa kontra l-arroganza għax jaf li hemm ċerti sezzjonijiet fil-Gvern fejn l-arroganza qiegħda tikber u jaf ukoll li din qed tibda ddejjaq lil parti mill-elettorat tiegħu.

Elettoralment, tliet snin huma riskju kbir. Muscat jaf ikabbar il-popolarità imma jaf minflok tikber dik li hu stess wissa kontriha. Jekk irid garanzija li se jibqa’ dejjem minn fuq u se jibqa’ l-aktar PM li għamel rebħiet kbar, issa huwa l-mument li jinżel.

Apparti minn sitwazzjonijiet li jistgħu jqumu u li huma ta’ portata nazzjonali, dejjem hemm kwistjonijiet li jistgħu jisplodu f’wiċċu. Primarjament dawn huma l-Panama u l-bejgħ ta’ konċessjoni ta’ tliet sptarijiet lill-Vitals Global Healthcare u anke l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-każ tal-Panama għad hemm inkjesti għaddejjin fil-Qorti fir-rigward tar-rabta ma’ żewġ kumpaniji li nfteħu fil-Panama u r-rabta tagħhom ma’ 17 Black u għad irid ikun ippubblikat ir-rapport dwar Egrant. Fil-każ tal-VGH hemm ħafna interessi li ma tafx jekk xi darba se jgħidu l-istorja kollha dwar dan il-ftehim.

Il-qtil ta’ Caruana Galizia huwa l-aktar fattur serju u gravi. Filwaqt li jista’ jkun hemm indikazzjonijiet li l-qtil ta’ din il-ġurnalista seta’ kien minn bnadi ta’ negozju u kuntrabandu, xejn mhu garantit. Dan apparti li lanqas m’hemm garanzija li l-moħħ wara dan il-qtil mhux b’xi mod, anke jekk remotament, marbut ma’ xi ħadd fil-Gvern.

Naturalment, f’ġieħ is-sewwa, wieħed jittama li dan mhux il-każ, imma lil hinn mit-tama u l-ispekulazzjoni ħadd m’għandu garanzija ta’ xejn, lanqas il-Prim Ministru.

Jidher illi s’issa Muscat mhux qed jissemma fil-lista ta’ persuni li se jingħataw kariga mill-Partit Soċjalista u Demokratiċi. Anke jekk ma tantx għandek grazzja ma’ Muscat kariga ewlenija fil-Parlament Ewropew jew il-Bank Dinji hija prestiġġjuża. Jekk jirnexxilu, ikun qed jagħlaq dan il-kapiltu politiku tiegħu u tal-Partit Laburista, bil-kbir.

U min jinsab f’vantaġġ biex jieħu post Muscat jekk jitlaq?

Miriam Dalli: L-MEP Miriam Dalli, tinsab fuq quddiem bl-akbar vantaġġ wara l-elezzjoni tal-MEPs.

Miriam Dalli kisbet 63,400 vot biex saret l-aktar kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li qatt kisbet voti. Saħansitra Dalli qabżet lil Joseph Muscat li kien kiseb 37,000 vot fl-2004 u l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant li fl-2014 kien kiseb 48,739 vot.

Dan is-suċċess elettorali poġġa lil Dalli fuq quddiem waħda sew hekk kif issa ppruvat il-popolarità tagħha mal-Laburisti u l-votanti tal-PL. Waħdu biss dan ir-riżultat diġà pprepara lil Dalli b’biżżejjed munizzjon biex f’każ ta’ kontestazzjoni għal Mexxej ġdid Labrurista, tkun fuq quddiem.

Imma aktar minn hekk Dalli tat prestazzjoni tajba ħafna fuq Xarabank ma’ Roberta Metsola waqt il-kampanja elettorali. Dalli dehret preparata, inċiżiva u f’kontroll sħiħ tad-dibatittu, waqt li Metsola ma kinitx fl-aqwa tagħha u ma kinitx ippreparata biex twieġeb dwar vot fuq emenda li tittratta t-tassazzjoni. Għal darb’oħra dan għen mhux ftit lil Dalli.

Finalment Dalli hija imbuttata miż-żmien li qed ngħixu fih. Jekk eletta tkun l-ewwel Prim Ministru mara, xi ħaġa illi permezz tagħha l-Partit Laburista jerġa’ jikteb l-istorja politika ta’ pajjiżna filwaqt li jissolidifika t-tikketta ta’ partit femminista li waħħal miegħu Muscat. Sa ċerta punt Dalli hija meqjusa bħala kontinwazzjoni tal-istess klassi ta’ politiċi Laburisti ‘ta’ Muscat.’

Chris Fearne: Chris Fearne wkoll qiegħed f’pożizjoni tajba għal żewġ raġunijiet. Huwa diġà għadda minn test fost id-delegati u kien elett Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Imma wkoll għax Fearne huwa b’saħħtu fost l-għeruq tal-partit f’wieħed mill-aktar distretti b’saħħithom għall-PL; ir-raba’ distrett.

Fearne huwa vantaġġjat ukoll mill-Ministeru li jmexxi; wieħed kbir, kruċjali u li jolqot b’mod dirett lil ħafna nies. Dan ifisser illi bosta jistgħu jaraw ħidmet Fearne, li kollox ma’ kollox hija aktar pożittiva, imma wkoll li hu jista’ juża s-saħħa tal-Ministeru favurih.

Fearne kien żvantaġġjat fl-aħħar ġimgħat, primarjament mid-dehriet tiegħu. Id-diskors tiegħu fil-mass meeting tal-1 ta’ Mejju kien repettittiv u xi kultant instema’ isteriku. Ma rnexxilux iqajjem dak l-entużjażmu u kollox ma’ kollox kien diskors fqir, fil-kontenut u fil-mod kif wasslu. Dan m’għenu xejn. Id-diskors li għamel il-Birgu fl-aħħar attività tal-Partit Laburista kien ftit aħjar imma xorta mhux biżżejjed biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas fl-ewwel.

Fearne għandu immaġini inqas tajba minn Dalli u jekk ikun elett ikun kontinwità ta’ mexxejja politiċi rġiel.

Għalkemm favorit, f’Dalli, Fearne jaf isib għadma iebsa.

Ian Borg: Persuna oħra li qed tissemma u jidher illi dejjem aktar qed tikseb appoġġ fi ħdan il-partit huwa Ian Borg. Dan il-Ministru mmexxi wieħed mill-akbar Ministeri tal-Gvern u huwa l-aktar wieħed li qed iħalli frott f’termini ta’ proġetti popolari li jarawhom in-nies. Il-proġetti tat-toroq, kemm residenzjali kif ukoll arterjali huma l-akbar proġetti ta’ dan il-Gvern u allura Borg jista’ jieħu ħafna mill-krettu.

Borg huwa relattivament żagħżugħ u f’din l-elezzjoni kif ukoll fl-2017 il-votanti Laburisti wrew diżpożizzjoni ikbar biex jivvutaw lil żgħażagħ. Biżżejjed naraw kif fl-elezzjonijiet lokali l-PL biddel diversi sindki għal uħud iżgħar fl-età, kienu eletti viċi-sindki żgħażagħ kif ukoll kunsilliera żgħażagħ li qatt ma kienu kkontestaw jew ġew eletti.

Dan jindika allura li Borg jista’ jkun pjuttost attraenti għall-votant Laburist.

Finalment Borg tela’ l-iskaluni tal-partit, minn sindku ta’ età żgħira f’Ħad-Dingli għal Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Fondi Ewropej u għal Presidenza Maltija tal-UE għal super-Ministru b’responsabbilitajiet wiesgħa.

Konrad Mizzi: U finalment hemm Konrad Mizzi. Għalkemm il-Ministru għat-Turiżmu qatt ma kien qed jissemma għall-kariga, jidher li Mizzi għandu dawn l-ambizzjonijiet ukoll. Il-preżenza tiegħu f’nofs il-folla ta’ aġenti kull darba u kien qed jintrebaħ raħal/belt mill-PL, iċapap u jintrefa’, tista’ tindika illi Mizzi għandu interessi oltrè minn Ministru.

Mizzi jidher li m’għandux biżżejjed appoġġ fi ħdan il-Partit Laburista, speċjalment minħabba l-kwistjoni tal-Panama. Imma wieħed ma jistax jinjora l-fatt li Mizzi huwa reżiljenti ħafna; għex wara l-skandlu tal-Panama u l-pressjoni kollha minn barra u anke minn ġol-PL biex jirreżenja u minkejja kollox kiseb ftit inqas minn 5,000 vot fir-raba’ distrett.

Jekk jirnexxilu jasal sat-tiġrija, dejjem jekk ikun hemm din it-tiġrija, Mizzi jaf jagħti xi sorpriża jew tnejn.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook