'L-MFA ħeddet in-nies biex jiffirmaw il-petizzjoni' tgħid l-MFRA

Alexei Tabone jikkonferma li membru tal-MFRA rċieva theddid fuq l-aħħar andamenti fid-dinja tal-futbol

Waqt li kien qiegħed jitkellem f’konferenza stampa, l-President uxxenti tal-MFRA Alexei Tabone kkonferma li wieħed mill-membri tal-istess Assoċjazzjoni daħħal rapport dwar theddid minn xi nies fl-MFA u fl-istess waqt saħaq li, "ħafna minn dawk li ffirmaw il-petizzjoni ġew mhedda mill-MFA biex jagħmlu dan."

Kien ilbierah meta f'deċiżjoni bla preċedent l-MFA issospendiet l-Assoċjazzjoni tar-Referis.

Fid-dawl ta' hekk l-MFRA qalet li tinnota b’dispjaċir li wara ċ-ċirkostanzi li żviluppaw fl-aħħar jiem qed tħossha aggravata bis-sitwazzjoni imposta fuqha fejn ġiet sospiża mill-MFA.

Hi saħqet li mxiet mal-istatut tagħha stess u għaldaqstant ma’ kisret ebda regolament jew klawżola fi ħdan l-istatut. “L-MFA qed tipprova tagħti l-impressjoni lill-pubbliku ġenerali li aħna ma’ tajniex lil numru ta’ referees id-dritt tal-vot u lil xi wħud minnhom id-dritt li jikkontestaw għall-karigi fil-kumitat tal-MFRA.”

L-istqarrija spjegat kif, “l-Assoċjazzjoni tagħna għandha regolament ċar fl-istatut (5.3 C) fejn dan jistabbilixxi li biex membru jkollu d-dritt tal-vot f’ laqgħa ġenerali annwali jrid ikun attenda tal-inqas 25% tal-laqgħat li tagħmel lassoċazzjoni tagħna matul is-sena. Oltre' minn hekk artiklu (4.3 B) tal-istatut tal-MFRA jgħid li dawk li jaqgħu taħt l-imsemmi artiklu (5.3C) ma jistgħux iservu fil-kumitat Eżekuttiv tal-MFRA. Il-pubbliku sportiv jaf li l-MFA ilha li bdiet gwerra aperta kontra lMFRA. Wara s-saga tal-ħlasijiet tar-referees, l-amministrazzjoni tal-MFA jidher li għamlet minn kollox biex b’mod dirett jew indirett tassigura li l-uffiċjali tal-eżekuttiv tal-MFRA jiġu mibdula b’tim immexxi minn nies ġodda li l-MFA tħossha iktar komda bihom u li jistgħu jigarantixxu vot għal min jixtieq Norman Darmanin Demajo fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ President ġdid fl-20 ta’ Lulju li jmiss.”

Huma qalu wkoll li, “l-MFA kienet ilha aktar minn tliet ġimgħat taf li fit-3 ta’ Ġunju 2019, l-MFRA kienet se torganizza l-laqgħa ġenerali taghha. L-MFA qalet li rċeviet petizzjoni ffirmata minn diversi membri pero’ l-MFA baqgħet toġġezzjona. L-MFA b-mod inġust talbet li l-AGM tal-MFRA jiġi pospost. Mhux hekk biss iżda kien hemm ukoll email mibgħuta lill-uffiċjali kollha mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti jinformahom li l-laqgħa ġenerali tal-MFRA ġiet posposta. Dan kollu bi ksur sfaċċat ta’ etika u morali," qalet l-MFRA. Filwaqt li żiedet tgħid kif, "l-MFRA ddeċidiet li xorta tibqa’ għaddejja bil-laqgħa ġenerali kif skedata u ddiskutiet it-talba tal-MFA biex tiġi posposta l-laqgħa fil-bidu tal-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret nhar it-Tnejn li għadda.”

Fl-aħħar nett huma qalu li, “l-laqgħa ġenerali tal-MFRA b’mod unanimu m'aċċettatx it-talba tal-MFA u baqgħet għaddejja bil-laqgħa ġenerali tagħha. Ta’ min isemmi li l-MFRA ġiet infurmata li l-MFA talbitha tipposponi l-laqgħa bis-saħħa ta’ Artiklu 58(iii) tal-Istatut tal-MFA. Dan l-artiklu jistabbilixxi li f’każijiet ta’ emerġenza l-Bureau jiltaqa' u jieħu deċiżjonijiet li huma kompetenza tal-Kunsill jew talKumitat Eżekuttiv. Dan jista’ jsir meta mhux konvenjenti jew prattikabbli li tissejjaħ laqgħa tal-Kunsill.”

More in Politika