'Il-Forzi Armati ta’ Malta huma eżemplari fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-immigranti'

Il-President ta' Malta George Vella jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu għax-xogħol impekkabli tal-FAM

Il-President ta’ Malta George Vella esprima s-sodisfazzjon għax-xogħol impekkabbli li qed isir mill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) f’operazzjonijiet biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies, u  rringrazzjahom tas-sagrifiċċji li jagħmlu biex iġibu l-interess nazzjonali fuq quddiem nett.

Waqt żjara lill-FAM, il-President Vella qal li l-armata hija eżemplari għall-pajjiżi oħrajn fl-ambitu tan-numru kbir ta’ salvataġġi u l-għajnuna umanitarja fl-ibħra Maltin meta immigranti jsibu ruħhom bejn sema u ilma fuq dgħajsa fil-Baħar Mediterran.

B’referenza għall-qtil riċenti ta’ immigrant li allegatament hemm involuti fih żewġ suldati, il-President Vella qal li l-armata mhix persuna waħda u li l-iżball ta’ wieħed jew tnejn, kbir kemm hu kbir, ma jġorrx miegħu lill-armata kollha. 

Il-President Vella temm id-diskors tiegħu billi sellem lill-familjari tal-FAM għas-support kontinwu li jagħtu lill-uffiċjali u li flimkien magħhom jgħaddu minn tensjoni waqt li qrabathom ikunu fuq missjoni.  Qal li l-qraba jkunu ħerqana sakemm l-uffiċjali jirritornaw id-dar.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi, qal li ż-żjara tal-President Vella tagħti stampa ċara tar-rwol li għandhom il-FAM li jeħtieġu impenn u dedikazzjoni. 

Il-Brigadier Curmi spjega x-xogħol li jsir mit-taqsimiet varji fi ħdan l-armata stazzjonati f’Xatt it-Tiben, Ħal Far, Ħal Kirkop, Ħal Safi u Ħal Luqa.  Saru dimostrazzjonijiet tal-ħidma li ssir mill-FAM fost l-oħrajn mill-Ispecial Operation Unit (SOU), l-Iskwadra Marittima, l-Explosive Ordinance Disposal Unit, it-Taqsima tal-Ajru, iċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet u l-Iskola tat-Taħriġ tal-FAM. 

Fi tmiem iż-żjara saret ċerimonja ta’ preżentazzjoni taċ-Ċertifikati ta’ Kummissjoni mill-President ta’ Malta lil numru ta’ uffiċjali tal-Forzi Armati li għadhom kif ġew ikkummissjonati mill-istess President bħala uffiċċjali fi ħdan il-FAM.

More in Politika