Is-suspettati bil-qtil ta' Daphne jridu jiltaqgħu ma' Gomes u Casa quddiem ġurnalisti barranin

Rikjesta mis-suspettati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia biex jiltaqgħu ma' MEP u eks MEP quddiem il-midja barranija

Daphne Caruana Galizia ma' binha Matthew
Daphne Caruana Galizia ma' binha Matthew

Il-Qorti se jkollha tiddeċiedi fuq rikjesta mhux mistennija u partikolari, biex is-suspettati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jiltaqgħu mal-MEP tal-PN David Casa u l-eks MEP Portugiża Ana Gomes, fil-preżenza tal-midja barranija. 

Din ir-rikjesta saret mill-avukat William Cuschieri illum f'isem Alfred Degiorgio. Hu staqsa lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tawtorizza din il-laqgħa bejn l-akkużati u Gomes u Casa, fil-preżenza tal-midja barranija. 

"Qed inħossni mbellah," qal l-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. "Normalment, il-midja ma tkunx mixtieqa mid-difiża. Il-liġi tagħti ħafna miżuri, għaliex għandna niddiskutuha fuq livell politiku u ġurnalistiku?" 

Cuschieri qal li l-proċeduri legali jgħidu li hu jrid jikseb permess mill-Qorti u allura llum qed jistaqsi għaliha. 

L-avukat tal-familja Caruana Galizia Jason Azzopardi qal illi jagħmel aktar sens li din it-talba tkun diskussa mingħajr ma jkunu preżenti terzi persuni. Huwa qal li jekk għandhom ilment l-Avukat tagħhom jista' jikteb lil MEP, "imma li tmur lilhinn minn hekk huwa lilhinn mill-mandat ta' MEP. Il-ġurnalisti qegħdin hemm biex ixandru, mhux biex iżomm is-sigrieti."

L-avukat ta' Degiorgio qal li hu ma jafx x'iridu jgħidu lil dawn it-tnejn. Fakkar iżda li ma kinitx id-difiża li marret titkellem mal-pulizija barranin bil-laptop, "kien ħaddieħor li jgħid illi ma jafdax l-istituzzjonijiet lokali."

More in Politika