Il-President jisħaq dwar l-importanza li titkisser l-ideoloġija kontra l-immigrazzjoni

Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-Kummissjoni Emiganti, waqt żjara f’Dar l-Emigrant fil-Belt u s-Sorijiet tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan

Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-Kummissjoni Emiganti, waqt żjara f’Dar l-Emigrant fil-Belt u s-Sorijiet tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan, waqt li tkellem dwar l-importanza li titkisser l-ideoloġija populista kontra l-immigrazzjoni.

Il-President Vella ngħata merħba minn Monsinjur Alfred Vella u Monsinjur Philip Calleja. Huwa ltaqa' mal-immigranti li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ din l-għaqda mhux governattiva, filwaqt li tkellem mal-voluntiera li jaħdmu f’dan il-qasam.

Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-President tkellem ukoll dwar l-importanza li Malta tkompli tisħaq fuq il-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  

Irrefera wkoll għall-qtil tal-immigrant Lassine Cisse Souleymane u ddeskrivih bħala “tebgħa fuq il-kuxjenza Maltija.” 

Min-naħa tiegħu, Monsinjur Vella qal li l-Kummissjoni Emigranti tipprovdi 400 sodda f’14-il post differenti lill-immigranti, fosthom fil-Bon Pastur.

Spjega kif il-funzjoni ta’ Dar l-Emigrant inbidlet mas-snin u minn servizzi li kienu jingħataw lill-Maltin li jemigraw, illum qed tgħin lil immigranti li jiġu Malta.

Infatti, il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll l-arkivji f’Dar l-Emigrant fejn hemm mat-12,000 applikazzjoni għall-passaporti tal-Maltin li emigraw, kif ukoll mat-30,000 applikazzjoni ta’ migranti li talbu ażil f’Malta f’dawn l-aħħar 50 sena.

More in Politika