X'ġara madwarna? Ir-riżultat tal-Elezzjonijiet Ewropew 2019

Ħarsa ħafifa lejn ir-riżultat ta’ VOT Ewropa fit-totalità tiegħu… Jispikkaw il-kisbiet tal-Ħodor, id-disfatta tal-Gran Koalizzjoni u Nigel Farage

Ġimgħa wara li l-maġġoranza tal-Ewropew ħarġu jivvutaw sabiex jeleġġu r-rappreżentati tagħhom fi Brussell, il-gazzetta ILLUM tanalizza r-riżultat fit-totalità tiegħu. Fost l-affarijiet li ta’ min wieħed jinnota huma l-kisbiet li għamlu l-Ħodor fl-Ewropa, il-maġġoranza li tilfet għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, il-Gran Koalizzjoni u r-riżultat ta’ Salvini fl-Italja u ta’ Le Pen fi Franza.

It-turnout tinżel f’Malta però tiżdied kważi kullimkien

Skont l-informazzjoni aħħarija li ġiet żvelata mill-Kummissjoni Elettorali, it-turnout għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Malta din is-sena kienet ta’ 72.7%. B’hekk din is-sena, it-turnout kienet ta’ 2.1% anqas meta mqabbla mal-istess elezzjoni fl-2014. Minkejja t-tnaqqis lokali, kien hemm diversi stati membri li rreġistraw numri rekord ta’ turnout għal din l-elezzjoni. Notevolment, 21 mit-28 pajjiż stat membru fl-UE jirreġistraw żieda fit-turnout tagħhom, bl-akbar żieda tkun irreġistrata fi Spanja bi 28%, hekk kif hawnhekk is-soċjalisti kisbu riżultat tajjeb. L-uniċi pajjiżi li fihom tnaqqset it-turnout kienu Malta, il-Belġju, l-Italja, il-Greċja, il-Lussemburgu, il-Bulgarija u l-Irlanda.

Tintilef għall-ewwel darba l-maġġoranza tal-Gran Koalizzjoni

Din l-elezzjoni qiegħda tiġi meqjusa bħala waħda storika. Dan minħabba li, għall-ewwel darba minn kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iż-żewġ partiti l-kbar fil-PE, il-PPE u l-S&D tilfu l-maġġoranza parlamentari tagħhom, magħrufa bħala l-Gran Koalizzjoni.

 Minkejja dan, il-PPE li jiġbor fi ħdanu l-MEPs Nazzjonalisti Maltin kiseb 24% tas-siġġijiet kollha jew inkella 180 MEP. Fl-2014 dan kellu 217-il MEP. Min-naħa l-oħra l-S&D li minnu jagħmlu parti l-MEPs tal-Partit Laburista kiseb 146 siġġu.

Minħabba f’hekk, issa l-partiti l-kbar fil-PE se jkollhom jirreferu għall-partiti l-oħra sabiex ikunu jistgħu jifformaw maġġoranza u b’hekk jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet tant importanti.

Riżulat eċċellenti għall-Ħodor fil-Ġermanja 

Għalkemm f’Malta l-Alternattiva Demokratika, li jifforma parti mill-Grupp Ewroparlamentari tal-Ħodor kiseb riżultat xejn sodisfaċenti, il-partiti Ħodor fil-bqija tal-Ewropa kisbu riżultati tajbin. B’mod speċjali fil-Ġermanja fejn il-Ħodor irnexxielhom jaqbżu l-partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi u kklasiffikaw fit-tieni post wara d-Demokristjani ta’ Merkel. L-istess Ħodor kisbu riżultat tajjeb fi Franza, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Awstrija.

Salvini jegħleb liċ-5 Stelle anke fin-Nofsinhar tal-Italja u Le Pen tegħleb lil Macron

Propju bħal dan iż-żmien sena, il-Lega Nord ta’ Salvini u 5 Stelle (M5S) ta’ Di Maio, irnexxielhom jifformaw gvern ġdid fl-Italja wara 88 ġurnata mill-elezzjoni. F’din l-elezzjoni, iż-żewġ partiti kienu spiċċaw fuq quddiem nett tar-riżultati biż-żewġ partiti popolisti jegħlbu għalkollox il-forzi politiċi tradizzjonali Taljani.

Minkejja kollox, għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Salvini jista’ jgħid li rebaħ għalkollox din l-elezzjoni hekk kif dan kiseb 34.33% tal-maġġoranza jew inkella 28 siġġu. Il-PD kiseb 19-il siġġu u l-M5S kiseb 14-il siġġu. Ta’ min jinnota iżda r-riżultat pożittiv li kiseb il-Lega Nord fin-Nofsinhar tal-Italja, sorpriża għal ħafna li kienu jqisu dan il-partit bħala wieħed reġjonali u li ma tantx igawdi appoġġ fin-Nofsinhar tal-Italja. B’hekk mill-elezzjoni tal-2014 lil hawn, is-siġġijiet tal-popolisti Taljani fil-PE kważi rduppjaw.

F’analiżi li kienet għamlet din il-gazzetta ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, kien ġie nnotat l-popolarità ta’ partiti politiċi b’politika popolista madwar prattikament l-Ewropa kollha. Minkejja li ħafna minn dawn kienu mistennija jagħmlu kisbiet akbar minn kemm għamlu l-Ħadd li għadda, xorta jibqa’ l-fatt li f’ċertu pajjiżi, il-popolisti għamlu kisbet sostanzjali u f’ċertu bnadi ritorn elettorali.

Ta’ min isemmi li fl-1999, 9% tas-siġġijiet kollha kienu okkupati minn politiċi popolisti wara l-elezzjoni tal-2019, 24% tas-siġġijiet intrebħu minn politiċi popolisti u Ewro-xettiċi.

Fi Spanja pereżempju, il-moviment popolista tal-lemin, Vox irnexxielu jeleġġi MEP għall-ewwel darba, waqt li fil-Belġju, il-partit estremista Vlaams Belang, għamel ritorn.

Fi Franza, il-partit ta’ Le Pen, rebaħ lil dak ta’ Macron. Fir-Renju Unit, il-Brexit Party ta’ Farage li twaqqaf sitt ġimgħat ilu biss, kiseb l-akbar ammont ta’ siġġijiet. Fil-bqija tal-Ewropa, riżultati simili nkisbu mill-partiti popolisti; fl-Ungerija 51% u l-Polonja 67% tas-siġġijiet kollha rispettivament.

More in Politika