Omm bi protest ġudizzjarju wara li binha ngħata mediċina li għamlitlu ħażin

It-tifel li jbati mill-ADHD kien jingħata mediċina b'xejn, liema mediċina nbidlet ma' oħra li għamlitlu ħażin

Omm fetħet protest ġudizzjarju wara li t-tifel tagħha, li jbati mill-kundizzjoni tal-ADHD, ingħata mediċina differenti minn dik li kien jieħu normalment, liema mediċina spiċċat biex kellha fuqu “effetti negattivi severi u allarmanti.”

Il-protest, iffirmat mill-Avukat Anthony Cutajar, jgħid li l-awtoritajiet ikkonċernati fallew milli jieħdu nota tal-ilmenti li kienet qed tagħmel l-omm u t-tifel baqa’ jingħata din il-mediċina.

L-omm qed tisħaq li dan sar bi ksur tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, fost oħrajn.

Il-protest ikompli jispjega kif it-tifel, li jbati wkoll mill-awtiżmu, kien ilu jara psikjatra minn meta kien għadu żgħir ħafna u kien ingħata l-mediċina Concerta.

Madanakollu, il-protest jispjega kif f’Lulju tas-sena li għaddiet, mingħajr l-ebda raġuni u mingħajr l-ebda avviż, din il-mediċina nbidlet u beda jingħata Xenidate. 

L-omm tilmenta kif filwaqt li din il-mediċina għandha l-istess ingredjenti attivi tal-mediċina li binha kien jingħata qabel, din il-mediċina kellha effetti negattivi ħafna fuq it-tifel, kienet qed tikkawżalu ansjetà kbira u l-imġieba tiegħu nbidlet tant li saret perikoluża għalih innifsu u anke għal dawk ta’ madwaru.

Il-protest jispjega kif meta ndunat b’dawn l-effetti, l-omm waqfet tagħtih din il-mediċina mogħtija lilhom b’xejn mill-Gvern u spiċċat tixtri l-mediċina li kienet tagħtih qabel minn butha stess.

Jidher li l-omm marret ukoll quddiem dak magħruf bħala l-Exceptional Medicines Treatment Committee, liema kumitat, fit-22 ta’ Ottubru 2018, iddeċieda li t-tifel għandu jingħata b’xejn il-Concerta.

Minkejja dan, ikompli jispjega l-protest ġudizzjarju, iċ-Chief Medical Officer u anke s-Central Procurement and Supplies ta’ Mater Dei, ma rrikonoxxewx din id-deċiżjoni u baqgħu jinsistu li t-tifel għandu jingħata x-Xenidate u mhux il-Concerta.

Il-protest ġudizzjarju qed jitlob lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lil dawk ikkonċernati u msemmija, anke lill-Avukat Ġenerali, biex iħallsu għad-danni.

More in Politika