L-Arkivji Nazzjonali se jkollhom binja apposta fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali

Fil-binja magħrufa bħala s-Santu Spirtu, fejn bħalissa hemm l-Arkivji Nazzjonali, se jsir l-ewwel mużew dwar l-istorja tal-mediċina f’Malta

Dalgħodu sar it-trasferiment ta’ art pubblika f’Ta’ Qali sabiex l-Arkivji Nazzjonali jkunu jistgħu jibnu binja adattata għall-preservazzjoni tad-dokumenti importanti li jieħdu ħsieb.

Din il-binja se tkun qed tifforma parti mill-Park Nazzjonali.

Fuq l-iffirmar ippresedew il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius.

“Dan huwa pass dwar il-futur għax l-identità ta’ pajjiżna tissawwar mill-memorji tal-esperjenzi storiċi tagħna tul is-sekli, u t-taħlit tagħna ma’ popli u pajjiżi oħra. Dan il-post għar-riċerkaturi se jkun ukoll esperjenza miftuħa għall-pubbliku,” saħaq il-Ministru Bartolo.

Intant, il-Ministru Bartolo ħabbar ukoll li fil-binja magħrufa bħala s-Santu Spirtu, fejn bħalissa hemm l-Arkivji Nazzjonali, se jsir l-ewwel mużew dwar l-istorja tal-mediċina f’Malta.

Min-naħa tiegħu,  il-Ministru Ian Borg iddeskriva dak tal-lum bħala pass storiku favur il-konservazzjoni tal-istorja u tal-memorja rikka ta’ pajjiżna, hekk kif din se tkun l-ewwel darba li l-Arkivji Nazzjonali se jingħataw lok li jkollhom faċilitajiet adattati għall-konservazzjoni xierqa tad-dokumenti prezzjużi tagħhom.

More in Politika