Intervista | ‘Jien għext ċirkostanzi aktar diffiċli minn dawn’

Ġimgħa wara telfa wara l-oħra għall-PN, l-ILLUM tpoġġi bilqiegħda mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. X’qed iwassal lill-PN biex jitlef bil-kbir elezzjoni wara l-oħra? Delia mhux aħjar jitlaq? Simon Busuttil qed iħallih jaħdem? Gonzi jwieġeb

L-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi f’intervista mal-gazzetta ILLUM, isostni l-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jsib dak li jsejjaħlu ‘kompromess intern’. Huwa jsostni illi dan il-kompress hemm bżonnu biex “l-attenzjoni sħiħa tiegħu ddur fuq is-sustanza tal-politika.”

Filwaqt li jfakkar illi hu rreżenja kemm minn Kap u anke mill-Parlament wara l-2013, jisħaq illi ma jistax isir paragun bejn elezzjoni ġenerali u dik li saret is-Sibt 25 ta’ Mejju, jiġifieri l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jew dik tal-Kunsilli Lokali. “Emmint li kelli d-dover inwarrab u nħalli lill-Kap il-ġdid (Simon Busuttil) imexxi hu kif l-aħjar illi jidhirlu.”

Huwa jerġa’ jappella lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jieħu l-inizjattiva hu stess biex “it-tmexxija tiegħu terġa’ tiġi kkonfermata skont ir-regoli tal-istatut.”

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-eks Prim Ministru wkoll dwar ir-rebħa tal-elezzjoni tal-2008, dwar Simon Busuttil, il-qasma fil-Partit Nazzjonalista u jekk din hux minnha jew perċezzjoni u x’jaħseb fuq il-fatt li kienu eletti Roberta Metsola u David Casa.

1. Il-Partit Nazzjonalista, nhar is-Sibt li għadda, ġarrab telfa kbira. Kont qed tistenna telfa bħal din? Jew kont qed tistenna li jonqos id-distakk?

L-esperjenza politika tiegħi għallmitni li s-surveys tal-ġimghat ta’ qabel l-elezzjoni jagħtu stampa pjuttost ċara mhux tar-riżultat finali, iżda tal-andament (trend) ta’ kif ser jinxteħtu l-voti. Mill-ewwel kien ċar li l-PN ser ikollu riżultat negattiv l-aktar minħabba l-fatt li kien ser ikun hemm numru ta’ votanti Nazzjonalisti li kienu ilhom jgħidu li ma jridux jivvutaw għal raġuni jew oħra. Għalhekk nista’ ngħid li ma kontx sorpriż.

2. Inti li segwejt l-affarijiet minn barra, iżda li taf ukoll x’inhi s-sitwazzjoni interna tal-Partit Nazzjonalista, x’taħseb li kienet ir-raġuni li wasslet biex il-PN jitlef b’distakk daqshekk kbir? Fejn żbalja l-Partit Nazzjonalista?

Forsi aħjar nispjega li jiena għażilt li nibqa’ ’l bogħod mill-istrutturi u x-xogħol intern tal-Partit sa mill-ewwel ġurnata li jiena rreżenjajt fl-2013. Rari kkummentajt fil-pubbliku u meta għamilt hekk ippruvajt inkun attent dwar kull kelma li għedt.

Dan għamiltu apposta għaliex emmint li kelli d-dover inwarrab u nħalli lill-kap il-ġdid imexxi hu kif l-aħjar jidhirlu mingħajr il-periklu li n-nies jaħsbu li d-dell tiegħi għadu jinfluenza d-deċiżjonijiet tal-Partit. Tant hu hekk li jiena irriżenjajt mhux biss mill-kariga ta’ Kap tal-Partit imma anke mis-siġġu parlamentari li kelli.

Emmint li kelli d-dover inwarrab u nħalli lill-kap il-ġdid imexxi hu kif l-aħjar jidhirlu, mingħajr il-periklu li n-nies jaħsbu li d-dell tiegħi għadu jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-Partit

Għalhekk, l-analiżi tiegħi hi magħmula minn dak li naħseb jiena, minn dak li jgħiduli n-nies u mis-surveys li jiġu ppubblikati minn żmien għal żmien. Fl-opinjoni tiegħi hemm ħafna raġunijiet għal dan ir-riżultat imma parti minnu hu dovut għal kontroversji interni li żviluppaw f’dawn l-aħħar żminijiet u li aljenaw numru sostanzjali ta’ votanti Nazzjonalisti.

3. Inti tlift elezzjoni b’36,000 vot u rreżenjajt minnufih. Simon Busuttil b’40,000 u telaq. Adrian Delia b’aktar minn 42,000 u tilef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew u qed jinsisti li jibqa’. Nixtieqek tkun skjett. Adrian Delia għandu jagħmel bħalkom u jirriżenja?

F’dan il-każ (jiġifieri għad-deċiżjoni li jieħu il-Kap tal-Partit) il-paraguni ma jreġġux. Ma tistax tqabbel riżultat ta’ elezzjoni ġenerali ma’ riżultat ta’ elezzjoni għall-MEPs jew għall-Kunsilli Lokali. L-anqas ma tista’ tqabbel riżultat ta’ elezzjoni ġenerali waħda ma rriżultat ta’ elezzjoni ġenerali oħra b’distakk ta’ snin twal.

Fil-politika ċ-ċirkostanzi jinbidlu. L-għaqal jitlob li jittieħdu deċiżjonijiet li jindirizzaw l-isfidi ta’ dakinhar u mhux tal-imgħoddi. Is-suġġeriment tiegħi fiċ-ċirkostanzi hu li l-Kap tal-Partit jieħu hu stess l-inizjattiva biex it-tmexxija tiegħu terġa’ tiġi kkonfermata skont ir-regoli tal-istatut.

4. Ejja nkunu ċari. Ħafna kienu qed jaħsbu li l-PN se jtella’ lil Roberta Metsola u lil Frank Psaila. Minflok telgħu Metsola u David Casa. Ejja ngħiduha kif inhi, huwa sigriet magħruf li t-tnejn li huma ma tantx jaraw għajn m’għajn ma’ dawk viċin Delia u viċi-versa. Taħseb li dan kien messaġġ ċar biex Delia u ta’ madwaru jitilqu?

Jiena ma naqbilx man-narrativa kif qiegħed tiddeskriviha inti fil-mistoqsija tiegħek. Fl-opinjoni tiegħi l-eluf ta’ voti li ġabu ż-żewġ persuni li inti semmejt huma kollha messaġġ b’saħħtu tal-votanti li jfisser illi huma jemmnu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kontra l-kriminalità, favur l-onestà u l-integrità u b’difiża feroċi għall-fama u l-interessi ta’ pajjiżna.

5. L-iskuża li qed iġġib it-tmexxija tal-PN, hija li meta wieħed iħares lejn is-sondaġġi, il-PN naqqas id-distakk li dawn kienu qed juru. X’tgħid dwar dan? Ma taħsibx li dan daħk fil-wiċċ?

Jiena ma niġġudikax lil min għandu d-dover li jinterpreta r-riżultat u jarahom fid-dawl taċ-ċirkostanzi li hu jew hi jsibu ruħhom fihom. Sta għal min qiegħed jisma’ dak li qiegħed jingħad biex jomgħod sew u jara jekk jaqbilx jew le ma’ dik l-analiżi. 

6. Ħafna qed jitfgħu t-tort f’saqajn dik li qed tissejjaħ ‘il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.’ Inti dejjem żammejt lura u ma kkummentajtx, iżda ċert li taf x’inhi s-sitwazzjoni fil-PN. Vera teżisti din il-firda fil-Partit Nazzjonalista. Taħseb li ‘l-fazzjoni ta’ Busuttil’ taħti għar-riżultat li ġarrab il-Partit Nazzjonalista?

Kull Partit Politiku huwa koalizjoni ta’ ideat u sta għal min qiegħed imexxi biex jipprova jiġbed sintesi u jwassal għal riżultat li jkun aċċettat minn kulħadd. Jiena personalment għext ċirkostanzi bħal dawn u anke aktar diffiċli minn dawn. Kultant jirnexxilek u kultant le.  Intenni li fl-opinjoni tiegħi r-riżultat ta’ din l-elezzjoni jirrappreżenta reazzjoni ta’ faxxa ta’ votanti nazzjonalisti għal issues differenti u li minħabba fihom għażlu li ma jivvutawx.

7. Meta inti rriżenjajt fl-2013, inti għażilt li ma tibqax fil-Parlament. Taħseb li kienet għaqlija d-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li jibqa’ fil-Parlament? Ma tħossx li dan kien xkiel għal Adrian Delia?

Kif diġà weġibtek għat-tieni mistoqsija, iċ-ċirkostanzi jkunu differenti u għalhekk kulħadd jieħu d-deċiżjoni li jaħseb li hi l-aħjar fiċ-ċirkostanzi li jkun qiegħed jiffaċċja.

8. Hawn min jisħaq ukoll illi li kieku l-Partit Nazzjonalista ma rebaħx l-elezzjoni tal-2008, fi żmien meta inti kont Prim Ministru, l-istorja kienet se tkun ħafna aktar differenti. Ma taħsibx li l-fatt li l-PN għamel ħames snin oħra fil-Gvern, kompliet iżżid l-antipatija tal-elettorat lejn il-PN? Ma taħsibx li kieku llum, is-sitwazzjoni tal-PN hija ħafna aħjar?

X’inhu l-aħjar li tirbaħ anke bi ftit u tagħmel isem tajjeb għal pajjiżek, jew li tirbaħ bil-ħafna u ċċappas lil pajjizek b’fama dubjuża?

Jista’ jkun iva u jista’ jkun le. Jista’ jkun li l-PN kien ikun aħjar imma l-pajjiż agħar. Il-verità hi li fil-ħajja ħadd minna ma għandu l-lussu li jdawwar l-arloġġ lura jew li jbiddel dak li ġara fl-imgħoddi. L-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu huwa li nitgħallmu mill-iżbalji bħalma nitgħallmu mis-suċċessi li kellna. Inħalli l-ispekulazzjoni dwar il-passat għal min għandu l-ħin x’jaħli.

9. Jekk wieħed iħares lejn l-aħħar elezzjonijiet, u jneħħi l-maġġoranza żgħira tal-2008, il-PN ilu ma jirbaħ elezzjoni b’maġġoranza komda mill-2003. Allura ma taħsibx li l-problema hija waħda aktar fundamentali? Il-PN qed jinjora dan?

Le. Ma naqbilx. L-għan aħħari fil-politika mhuwiex biss li tirbaħ l-elezzjonijiet imma li ssarraf ir-rebħa f’ġid għal poplu Malti u Għawdxi.  Il-PN fil-Gvern irnexxielu jwassal lill-pajjiż fejn hu llum u kontra dawk kollha li għamlu minn kollox biex jagħżlu triq oħra. Ġibna s-sħubija fl-Unjoni Ewropeja u llum minn kien kontra sar jaqbel magħna. Ġibna l-munita Ewropea u llum min kien kontra sar jaqbel magħna.

Ftaħna l-ekonomija tagħna għas-suq Ewropew u llum minn kien kontra sar jaqbel magħna. Ġibna l-biljuni mill-Unjoni Ewropea u llum min kien kontrina qed igawdi minnhom. X’inhu l-aħjar li tirbaħ anke bi ftit u tagħmel isem tajjeb għal pajjiżek, jew li tirbaħ bil-ħafna u ċċappas lil pajjiżek b’fama dubjuża?

10. Ngħiduha kif inhi, mingħajr dawk ta’ Delia jew dawk ta’ Busuttil, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ partit b’saħħtu iżda ma jistax jirbaħ elezzjoni. Wara din it-telfa li ġarrab il-Partit Nazzjonalista, x’taħseb li għandha tkun it-triq ’il quddiem? Il-PN se jqum minn din id-daqqa, jew kienet waħda mortali? X’għandu jagħmel il-PN biex jerġa’ jkun il-partit tal-maġġoranza?

Is-suġġeriment tiegħi, fiċ-ċirkostanzi, hu li l-Kap tal-Partit jieħu hu stess l-inizjattiva biex it-tmexxija tiegħu terġa’ tiġi kkonfermata skont ir-regoli tal-istatut

Il-PN għandu jagħraf l-isfidi li għandu quddiemu, isib il-kompromess intern biex l-attenzjoni sħiħa tiegħu ddur fuq is-sustanza tal-politika: dik li sserraħ ras in-nies li bi-PN fil Gvern, il-poplu Malti jibqa’ jgawdi l-ġid mingħajr ma jitlef ġiehu.

11. Mhux l-ewwel darba li ssemmiet il-qasma tal-Partit Nazzjonalista. Kien hemm Deputati stess, li ma għandhomx fiduċja f’Delia, li semmew miegħi din il-probabbilità. Possibbli? Taħseb li dan jista’ jseħħ?

Le. Jiena għandi fiduċja li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jagħraf li qiegħed fil-politika b’servizz lejn il-Partit u l-pajjiż u mhux f’servizz lejn l-ambizzjonijiet personali.  

12. U jekk Delia jiddeċiedi li jibqa’ akkost ta’ kollox? X’jista’ jiġri? Il-PN jista’ jirbaħ?

Jiena m’iniex profeta. Li nista’ nagħmel biss hu li nagħti l-opinjoni tiegħi u anke jekk din ma tiġix aċċettata, xorta nibqa’ nara kif nista’ ngħin u nappoġġja dawk il-valuri, prinċipji u programmi li jiena nemmen fihom.

More in Politika