Chris Said wara Mark Anthony? Jgħid li se jikkunsidra l-pass li jmiss

Chris Said jgħid li huwa ddiżgustat bil-co-option ta' Jean Pierre Debono 

Mhux wisq ħin wara li Mark Anthony Sammut għadda messaġġ skjaċċanti kontra t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u rriżenja mill-kariga fil-PN, id-Deputat Għawdxi Chris Said indika li anke hu qed jieħu ċerti kunsiderazzjonijiet wara li minflok l-Għawdxi Kevin Cutajar kien co-opted Jean Pierre Debono. 

Said, sostna ilbieraħ illi "Għawdex għandu bżonn il-ħaddiema fl-għalqa. Għandna ħafna fejn nkomplu naħdmu. Ir-riżultati tal-Kunsilli Lokali f'Għawdex kienu xaqq ta' dawl f'bosk mudlam. Bla dubju li f'dan il-mument deputat ieħor Għawdxi jagħti spinta biex nkomplu x-xogħol enormi li għandna f'din il-gżira ... Barra minn hekk sakemm niftakar jien kull meta saret co-option il-partit dejjem mexa' li din tkun mill-istess distrett."

Said ġab eżempju tal-2004 meta saret co-option wara li Josef Bonnici kien nħatar Awditur fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, meta minkejja li hu kien ġab ħafna voti u kien hemm deputat inqas minn Għawdex, xorta kienet co-opted persuna mid-distrett ta' Bonnici.

"Fl-aħħar jumejn mijiet ta' Għawdxin kellmuni u insistew miegħi li jkun żball enormi jekk il-Partit 'jarmi' lil Għawdex f'din is-sitwazzjoni. Qed nwassal ukoll il-pożizzjoni ta' dawn l-eletturi Għawdxin," sostna qabel il-vot tal-lum. 

Ftit tal-ħin ilu Said qal li jinsab iddiżgustat bil-co-option ta' Jean Pierre Debono u qal li qed jikkunsidra l-pass li jmiss.

More in Politika