'Għada se nattendi l-laqgħa tal-eżekuttiv tal-PN biex nitlob is-siġġu ta' Stellini'

Minkejja li uffiċjali jixtiequ lil Jean Pierre Debono, Kevin Cutajar jinsab ċert li l-eżekuttiv tal-PN se jirrispetta l-vot tal-Għawdxin

Il-kandidat u l-kunsillier Għawdxi Kevin Cutajar kiteb fuq Facebook biex jgħid li għada se jkun qed jattendi għal-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jitlob is-siġġu ta' David Stellini li din il-ġimgħa rriżenja minn Deputat Parlamentari.

Cutajar saħaq li hu qed jitlob li post Stellini jieħdu hu biex "isseħħ ir-rieda tal-votanti Għawdxin" waqt li fakkar li wara David Stellini, l-Għawdxin għażlu lilu.

Saħaq li hu informa lill-Kap tal-Partit Adrian Delia u anke lill-uffiċjali kollha tal-Partit Nazzjonalista b'din id-deċiżjoni.

Insista li jinsab ċert li l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrispetta l-vot tal-Għawdxin, għax fi kliemu, il-PN huwa l-partit tal-Għawdxin.

Intant, aktar kmieni illum, is-sit illum.com.mt irrapporta kif diversi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista jixtiequ li jkun Jean Pierre Debono li jieħu post Stellini.

Sorsi qalu mal-istess sit li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tixtieq li jkun Debono li jieħu post Stellini biex il-PN jissaħħaħ fiċ-ċentru ta’ Malta partikolarment fis-seba' distrett.

Saħqu li l-partit ħa daqqa f'dan id-distrett meta ġie elett Godfrey Farrugia f'isem il-Partit Demokratiku li dak iż-żmien kien parti mill-Forza Nazzjonali.

Intant, dan is-sit huwa infurmat ukoll li Debono jrid bis-saħħa li jerġa’ jirritorna fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista wara li kien ċeda postu lill-Kap Adrian Delia.

Madanakollu, diversi Deputati tal-PN, fosthom Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia, iddikjaraw fuq Facebook li għandu jkun Kevin Cutajar li jkun co-opted fil-Parlament.

More in Politika