Iridu lil Debono biex isaħħu fejn tilfu b’Godfrey Farrugia fuq is-seba' distrett

Debono jrid bis-saħħa li jerġa’ jirritorna fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Minkejja dan, huwa ġie magħarraf li jekk jiġi co-opted se jkollu jċedi l-pożizzjoni tiegħu bħala Assistent Segretarju Ġenerali

Wara r-riżenja tad-Deputat Nazzjonalista David Stellini mill-Parlament, l-għola strutturi fil-Partit Nazzjonalista se jkunu qiegħdin jivvutaw sabiex ikun elett Deputat ieħor. Sorsi li tkellmu mas-sit illum.com.mt spjegaw li l-co-option ta’ Jean Pierre Debono hi l-aktar deċiżjoni għaqlija mhux biss għaliex dan ċeda s-siġġu lill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-2017 iżda sabiex tiżdid ir-rappreżentanza tal-PN fiċ-ċentru ta’ Malta.

“Fil-verità l-Partit Nazzjonalista f’Għawdex diġà huwa r-rappreżentat sew bid-Deputati li għandu, però fiċ-ċentru ta’ Malta speċjalment fiż-żona ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-madwar hemm nuqqas,” spjega sors mill-PN.

Għalhekk, hu mifhum li t-tmexxija tal-PN trid li jiġi elett Deputat Malti sabiex jżid is-saħħa tal-partit fiċ-ċentru ta’ Malta. Ħafna minn dan in-nuqqas huwa kaġun tal-koalizzjoni tal-‘Forza Nazzjonali’ bejn il-PN u l-PD fl-aħħar elezzjoni ġenerali li grazzi għaliha Godfrey Farrugia, kandidat għall-PD, kien ġie elett fil-Parlament fuq is-seba’ distrett elettorali. Farrugia kien kiseb l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet każwali wara li d-Deputat Beppe Fenech Adami ċeda siġġu fuq dan id-distrett.

Minkejja l-għaqda fiż-żmien l-elezzjoni tal-2017 propju ftit wara bdew jidhru l-ewwel xquq fil-koalizzjoni PN-PD. Din ħarġet fil-beraħ l-aktar meta Adrian Delia ġie elett mexxej tal-Partit Nazzjonalista, meta dakinhar fi stqarrija l-PD kien qal li m’għandux fiduċja f’Adrian Delia u li l-kredenzjali tiegħu m’humiex biżżejjed biex tissaħħaħ il-kredibilitá tal-Oppożizzjoni.

Għaldaqstant, tul il-ġimgħa li għaddiet diversi deputati tal-PN fosthom, Karol Aquilina u Therese Commodini Cachia pproponew fil-beraħ li dan is-siġġu Parlamentari jibqa' għand Għawdxi, u għalhekk jgħaddi għand Kevin Cutajar. Dan bl-għan li “r-rappreżentanza tal-PN f’Għawdex tibqa’ b’saħħitha.”

"Bix-xieraq li tinżamm l-istess rappreżentanza f'Għawdex u minflok David Stellini, il-Partit Nazzjonalista jagħżel lil Kevin Cutajar, avukat li ma ħalliex id-diżabbiltà tkun ta’ ostakolu għal dak li ried jagħmel f’ħajtu. Din l-għażla tkun ukoll messaġġ qawwi ta’ fiduċja u sostenn mill-Partit Nazzjonalista lill-persuni b’diżabilità,  kiteb fuq il-midja soċjali Aquilina. 

Meta kien ikkuntatjat minn dan is-sit, Cutajar qal li ma jridx jikkumenta dwar din l-affari.

'L-irġulija tgħid li jingħata s-siġġu Debono'

Minkejja din l-għażla bejn dawn iż-żewġ kandidati, sors ieħor fil-Partit Nazzjonalista saħaq li mhux veru li l-Partit qiegħed jaħdem sabiex jeleġġi l-Debono bl-għan li jżomm l-għaqda, hekk kif hu skontu Cutajar igawdi mill-appoġġ ta’ Delia wkoll.  Huma għamlu wkoll referenza għall-argument li l-rġulija tgħid li Debono jingħata s-siġġu lura.

“L-irġulija tgħid li Jean Pierre Debono jingħata s-siġġu lura però, m’hemm l-ebda inkwiet sabiex dan ikun bilfors hu, hekk kif Cutajar ukoll jagħti l-appoġġ lil Delia,” sostna dan is-sors.

Intant skont informazzjoni li għandu dan is-sit Debono jrid bis-saħħa li jerġa’ jirritorna fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Minkejja dan, huwa ġie magħarraf li jekk jiġi co-opted se jkollu jċedi l-pożizzjoni tiegħu bħala Assistent Segretarju Ġenerali.

Ta’ minn isemmi wkoll li finalment, id-deċiżjoni finali tal-co-option ta’ Delia trid tittieħed mill-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalist bil-vot li jittieħed fil-kunsill ikun wieħed sigriet. Dan il-vot mistenni jitieħħed għada meta jiltaqa' l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, David Stellini, li kien ukoll kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, irriżenja minn Deputat Parlamentari u se jkun qed jirritorna għax-xogħol li kellu fi Brussell. F’kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Stellini qal li kellu jieħu din id-deċiżjoni "fi sfond ta' klima politika li ma' tagħmilx gieħ lill-Maltin u l-Għawdxin, fejn il-firda nazzjonali tirrenja fuq l-għaqda li tant hemm bżonn biex dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem.”

More in Politika