Fit-tieni jum il-Partit Laburista jagħmel rebħiet kbar u l-PN jiffaċċja aktar telf

Kienet ġurnata b'rebħiet sinjifikanti għall-PL u aktar riżultati ħżiena għall-PN li reġa tilef Birkirkara, San Ġwann, tilef l-Għarb u rebaħ erba minn 21 lokalità

Il-PL jerġa jirbaħ bil-kbir
Il-PL jerġa jirbaħ bil-kbir

L-atmosfera fost l-aġenti tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti ilejla kienet waħda ta' bruda u diżappunt qawwi hekk kif għat-tieni jum il-PN kompla jiffaċċja telf qawwi u riżultati negattivi fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. 

L-akbar rebħa tal-Partit Laburista illejla tiġi minn Birkirkara, lokalità li fil-passat kienet Nazzjonalista u marbuta mal-eks PM u Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami. Hawnhekk il-PL rebaħ maġġoranza assoluta b'52.2% u l-PN ġab 43.6%, b'distakk ta' 1,134 vot. 

Il-PL għamel rebħa wkoll fir-Rabat Malta, lokalità missielta fejn il-PL kellu problemi mal-eks Sindku tiegħu. Hawnhekk il-PL kiseb 57% u l-PN 43%. Rebħa oħra għall-PL kienet f'San Ġwann, lokalità li bidlet l-idejn minn Kunsill Laburista għal Kunsill Nazzjonalista matul iż-żmien. Hawnhekk il-PL kiseb 50.6% u l-PN 49.3% jew differenza minima ta' 87 voti.

Rebħa kbira oħra kbira kienet f'Tal Pietà fejn il-PL rebaħ rekord ta' 69.3% u l-PN kiseb 30% tal-voti. 

L-Imsida kienet rebħa oħra Laburista hekk kif il-PL rebaħ 51% filwaqt li l-PN rebaħ 45% tal-voti Misidjani.

Il-loklitalitajiet li huma Laburisti komplew isaħħu din l-istess maġġoranza. Fil-fatt f'dawn il-lokalitajiet il-PL ġab: Bormla (84%), Ħal Għaxaq (81%), Ħaż Żabbar (75%), il-Fgura (74%), il-Gudja (63%), il-Kalkara (72.5%), Marsaskala (69.6%), Marsaxlokk (78%), Raħal Ġdid (74%), Ta' Sannat (77%). 

Il-PN rebaħ dawn il-lokalitajiet: Ħal Lija (66%), Ir-Rabat (G)  (60%), Tas-Sliema (71%), L-Imġarr (58%). 

Fl-Għarb il-PL ġab iktar voti u siġġijiet mill-PN, imma mhux ċar min se jmexxi dan il-Kunsill minħabba ammont ta' voti li kiseb kandidat indipendenti.  

Dan ifisser illi s'issa, bejn ilbieraħ u lum il-Partit Nazzjonalista rebaħ 11-il lokalità minn 44 lokalità li s'issa ngħaddew il-voti tagħhom.

More in Politika