Il-PN jitlef fortizza oħra ... fl-Għarb jispiċċa b'kandidat wieħed minn ħamsa

L-Għarb: lokalità Nazzjonalista iżda l-PN ma joħroġx biżżejjed kandidati

Ritratt  | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza li kellu fil-lokalità Għawdxija tal-Għarb. Hawnhekk Il-Partit Nazzjonalista żamm biss Kunsillier wieħed, minn ħamsa. Dan il-kandidat huwa wieħed miż-żewġ kandidati biss li ħareġ il-partit. Dan ifisser illi qabel ma fil-fatt morna għall-għadd tal-voti l-PN kien diġa tilef din il-lokalità. Fl-aħħar elezzjoni il-PN kien ġab 61% tal-voti u dejjem kiseb riżultati tajbin fl-Għarb, qabel illum.

Il-PL kiseb 436 vot, jiġifieri 45%, il-PN kiseb 120 vot jew 12%, Għarb l-Eweel kiseb 43%.

Malli tħabbar dan ir-riżultat numru ta' aġenti tal-PL infexxew f'għajjat u ċapip ta' ċelebrazzjoni.  

Waħda mir-raġunijiet għal din it-telfa hija li s-Sindku Nazzjonalista fl-aħħar leġiżlatura issa ħareġ bħala indipendenti wara li l-partit ma ħalliehx jikkontesta. 

L-Għarb: Il-PN ċeda qabel beda

l-Għarb hija lokalità oħra żgħira Nazzjonalista u bħal Għajnsielem tkompli tikkonferma dak li ħareġ mill-analiżi li ilha tagħmel din il-gazzetta, jiġifieri li hemm tendenza li n-Nazzjonalisti joqogħdu aktar id-dar meta l-elezzjoni lokali ma ssirx ma’ dik ġenerali. Iżda din is-sena, l-elezzjoni lokali fl-Għarb se tkun waħda interessanti. Minkejja li din hija lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista dejjem kiseb appoġġ, il-PN ħareġ biss 2 kandidati, jiġifieri inqas minn kemm għandu kunsilliera bħalissa.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fl-Għarb saru fl-2006, fl-2009 u fl-2013, jiġifieri l-elezzjoni għall-kunsill saret kemm waħedha, kemm ma’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kemm ma’ elezzjoni ġenerali.

Fl-2006, meta l-elezzjoni lokali saret waħedha, il-Partit Nazzjonalista kiseb 504 voti, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 211-il vot. Ma jidhirx distakk kbir, iżda għal raħal b’popolazzjoni żgħira, dan fisser li l-Partit Nazzjonalista ġab 70% tal-voti. L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2009. F’dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti biex kiseb 442 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied il-voti biex kiseb 286 vot. L-Alternattiva Demokratika kienet ġabet 99 vot. Fi tliet snin, minn 70% tal-voti, il-Partit Nazzjonalista kiseb 53%.

L-aħħar elezzjoni lokali fl-Għarb saret fl-2013, mal-elezzjoni ġenerali u għalhekk aktar nies, inkluż Nazzjonalisti, ħarġu jivvutaw biex il-Partit Nazzjonalista reġa’ żied u kiseb 61% tal-voti.

F’dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien kiseb 569 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 354 vot.

More in Politika