Elezzjoni Kunsilli | Kant u entużjażmu hekk kif il-Labour jirbaħ San Pawl il-Baħar ukoll

...L-akbar lokalità f'Malta se tagħti maġġoranza Laburista wkoll bis-Sindku jkun Alfred Grima

Għall-għajjat u ċ-ċapċip ta' 'Joseph, Joseph huwa l-Mexxej' il-Partit Laburista rebaħ l-akbar lokalità ta' Malta u Għawdex, San Pawl il-Baħar. 

Jidher illi l-Partit Laburista kiseb 50% filwaqt li l-PN kiseb ftit inqas minn 43%, differenza pjuttost kbira f'lokalità li kienet meqjusa bħala Nazzjonalista sa ftit snin ilu biss. .  

Jidher illi l-kandidati li jinsabu fuq quddiem huma Alfred Grima għall-Partit Laburista u Graziella Galea għall-Partit Nazzjonalista. B'hekk huwa mistenni li Grima jsir Sindku ta' din il-lokalità.

Din hija t-tieni darba li din il-lokalità, illi fiha l-Kunsill kien maqbud b'diversi kontroversji, se jkollha Kunsill Laburista hekk kif l-aħħar elezzjoni lokali fl-2015 l-PN rebaħha bi ftit voti biss.  

L-istorja tal-elezzjonijiet fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar

Graziella Galea kellha tirriżenja minn Sindku
Graziella Galea kellha tirriżenja minn Sindku

Fl-elezzjoni qabel din fil-lokal, li jiġbor fih lil Burmarrad, ix-Xemxija, il-Qawra, Buġibba, il-Wardija u anke l-Imbordin, ħarġu jivvutaw biss 8,335 persuna, meta dawk eliġibbli li jivvutaw kienu jammontaw għal 21,202 persuni.

Dan ifisser li għal dan il-kunsill lokali, li spikkaw fih ir-riżenji, ħarġu jivvutaw biss 39% tal-votanti. Iżda din ma kinitx karatteristika biss tal-aħħar elezzjoni lokali, għax anke għal dik li saret fl-2012 ivvutaw biss 35% ta’ dawk li kienu eliġibbli.

Hija wkoll lokalità interessanti għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għamel żmien jirbaħha b’maġġoranza komda, illum iż-żewġ partiti spiċċaw ras imb ras, saħansitra fl-2012 meta l-Partit Laburista rnexxielu jikseb il-maġġoranza.

Kif din il-gazzetta qed tagħmel bil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, se tħares ukoll lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’San Pawl il-Baħar, li waħda minnhom seħħet ma’ elezzjoni ġenerali, waħda minnhom saret waħedha u oħra mar-referendum dwar il-kaċċa.

Fl-2008, ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u l-lokalitajiet li jagħmlu miegħu, ħarġu jivvutaw kemm għall-elezzjoni lokali u anke għall-elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, ħdejn it-turn out tal-aħħar żewġ elezzjonijiet lokali, dik is-sena, l-għadd ta’ residenti li ħarġu jivvutaw ma kienx daqshekk baxx, tant li vvutaw 67% ta’ dawk eliġibbli.

Dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien rebaħ l-elezzjoni lokali b’distakk ta’ 1,226 vot. Il-Partit Laburista kien ġab 3,138 vot (39%), filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 4,364 vot (55%). Kandidati indipendenti kisbu 235 vot, filwaqt li l-Alternattiva Demokratika kisbet 212-il vot.

Iżda d-distakk ingħeleb fl-2012. Dik is-sena, l-elezzjoni lokali saret waħedha. Il-Partit Laburista, anke jekk naqqas il-voti, kiseb 3,019-il vot u rebaħ dan il-Kunsill Lokali u dan wara li l-Partit Nazzjonalista naqqas drastikament il-voti biex kiseb 2,505 voti. Dik is-sena, l-Alternattiva kisbet 134 vot.

Xi jfisser dan ir-riżultat? Jista’ jkun hemm ħafna spjegazzjonijiet. Dan ir-riżultat seta’ kien riflessjoni ta’ dak li kellu jiġri s-sena ta’ wara, meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’distakk kbir ta’ 36,000 vot.  Iżda l-fatt li l-elezzjoni lokali saret waħedha, jista’ jkun li kellu effett ukoll.

Minn din l-analiżi li qed tagħmel il-gazzetta ILLUM (anke kif rajna f’paġna 7 fil-każ ta’ Ħ’Attard) ħareġ ċar li meta f’lokalità elezzjoni lokali ssir waħedha, hemm tendenza li ħafna Nazzjonalisti jagħżlu li jibqgħu ġewwa u ma joħorġux jivvutaw.

L-aħħar elezzjoni lokali f’San Pawl il-Baħar saret fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti tagħhom, bil-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu f’idejh dan il-kunsill b’distakk żgħir ta’ 62 vot. B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 3,701 vot, filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 3,639 vot. L-Alternattiva ġabet 275 vot u kandidat indipendenti kiseb 147 vot.

X’se jiġri inqas minn xahar ieħor ħadd ma jaf. Li hu żgur huwa li d-distakk huwa żgħir u l-aħħar kunsill lokali f’din il-lokalità għadda minn taqlib kbir u mewġa ta’ riżenji.

L-ewwel ma rriżenja kien il-Viċi Sindku David Thake wara li bl-aktar mod ċar saħaq li ma jridx jibqa’ jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista b’Adrian Delia bħala Kap.

Warajh irriżenjaw ukoll Joseph Vella u Robert Piscopo, żewġ kunsilliera oħra eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista u li żammew posthom bħala kunsilliera indipendenti.

It-tnejn li huma kienu indikaw nuqqas serju ta’ qbil mas-Sindku Graziella Galea li wkoll kienet irriżenjat ftit qabel vot ta’ sfiduċja li resaq quddiem il-kunsill.

Minn dan il-Kunsill Lokali kien irriżenja wkoll Matthew Barbara, li kien ġie elett f’isem il-Partit Laburista.

 

More in Politika