Dalli, Sant, Cutajar u Agius Saliba x'aktarx ikunu l-MEPs tal-PL

Issa huwa kważi ċert li l-Partit Laburista rebaħ ukoll ir-raba' siġġu

Għalkemm għad fadal ftit biex inkunu nafu fiċ-ċert minn se jkunu s-sitt Ewroparlamentari Maltin, kollox jindika li għall-Partit Laburista, Miriam Dalli, Alfred Sant, Josianne Cutajar u Alex Agius Saliba huma fost il-favoriti.

Minn dak li jidher u anke dak li qed jingħad fost id-Deputati u l-aġenti tal-partit fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, dawn l-erba' kandidati x'aktarx li se jkunu l-erba' Ewroparlamenati Laburisti, hekk kif issa huwa kważi ċert li l-Partit Laburista rebaħ ukoll ir-raba' siġġu.

Is-sondaġġi kienu ilhom ibassru li l-Ewroparlamentari Miriam Dalli kienet il-favorita u jidher li dan se jkun rifless fir-riżultat finali.

Popolari wkoll huma l-eks Mexxej Laburista u l-Ewroparlamentari Alfred Sant u Alex Agius Saliba li beda l-attiviżmu tiegħu fil-Partit Laburista permezz tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Josianne Cutajar tista' titqies bħala wiċċ ġdid, iżda jidher li kibret ħafna fil-popolarità, b'mod partikolari mal-Għawdxin.

Intant, mill-informazzjoni li dan is-sit qiegħed jikseb mis-sala tal-għadd tal-voti, jidher li Roberta Metsola u David Casa huma l-favoriti li jirbħu ż-żewġ siġġijiet tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika