'Ikun xi jkun il-verdett nirrispettawh ... mit-Tnejn naħdmu aktar'

Adrian Delia jisħaq li l-mixja tibda wara l-elezzjonijiet biex il-Partit Nazzjonalista jerġa' jirbaħ ir-rispett tan-nies

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li jkun xi jkun ir-riżultat ta’ dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista jirrispettah, iżda insista li min-nhar it-Tnejn tibda l-mixja biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ ir-rispett tan-nies, indikazzjoni li jkun xi jkun ir-riżultat hu mhux se jirreżenja.

Delia qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza folla numeruża li nġabret quddiem id-Dar Ċentrali għar-rally li għalqet il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Tul id-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista insista għal aktar minn darba li l-mixja tal-Partit Nazzjonalista tibda wara dawn l-elezzjonijiet u hu mhux se jaqta’ qalbu u għalhekk se jkompli jiltaqa’ man-nies.

Insista li hu, il-kandidati u l-partit kollu miegħu, għall-kuntrarju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ma jridux li n-nies ikunu magħhom, iżda jridu li huma jkunu man-nies.

'Ma nistħux niddefendu l-valuri tagħna'

Saħaq ukoll, fost iċ-ċapċip u l-għajjat ta’ dawk preżenti, li l-Partit Nazzjonalista, apparti li huwa l-partit tal-indipendenza u tal-Ewropa, huwa wkoll il-partit Demokristjan.

“Ma nistħux niddefendu l-valuri tagħna. Aħna nibqgħu niddefendu dak li nemmnu fih,” insista l-Kap Nazzjonalista. “Jekk tarmi l-morali u l-valuri ma jibqa’ xejn.”

'Iridna nkunu miegħu imma hu se jitlaq dalwaqt'

Iddeskriva l-Gvern bħala wieħed “bla ideat u bla proposti,” u qal li dan għall-kuntarju tal-Partit Nazzjonalista waqt li ta elenku tal-proposti li ħabbar fl-aħħar ġimgħat, inkluż fil-qasam tas-saħħa u anke tal-ambjent.

L-istess dwar Għawdex. Insista li l-Gvern Laburista ma jimpurtahx mill-Għawdxin u għalihom mhu qed joffri xejn, ħlief vapur ta’ 32 sena. “L-Għawdxin mhumiex mat-tieni klassi,” saħaq Delia.

“Iridna nkunu miegħu, imma hu se jitlaq dalwaqt,” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt li aktar tard insista li Joseph Muscat irid biss jintgħoġob ma’ sħabu s-Soċjalisti Ewropej.

Mill-ġdid, l-abort u t-taxxa

Kien hawn li għamel referenza għal dawk it-temi li l-Partit Nazzjonalista għamel kampanja jisħaq dwarhom, inkluż l-armonizzazzjoni tat-taxxa u l-abort.

Saħaq li jekk tgħaddi tas-Soċjalisti, kull min ikun f’Malta, ikollu d-dritt li jevoka d-dritt għall-abort f’pajjiżna wkoll, waqt li insista li lbieraħ fid-dibattitu, il-Prim Ministru ma lissinx kelma waħda kontra l-abort.

Għadda biex jitkellem dwar dak kollu li l-Partit Nazzjonalista, tul dawn l-aħħar ġimgħat, tkellem u kkampanja dwarhom, inkluż il-ġlieda kontra l-kanċer.

Fakkar fil-proposti għas-settur tas-saħħa li l-Partit Nazzjonalista ħabbar fl-aħħar jiem, inkluż dawk għad-dijabetiċi, għall-persuni bid-dislessja u għall-kura tas-saħħa mentali.

Saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dawn il-proposti mhux biex jaħtaf is-settur jew biex ibiegħ l-isptarijiet “lill-iskarpana” tal-VGH, iżda għax vera jemmen li jistgħu jagħmlu differenza.

Reġa’ tenna li l-Gvern ma jridx jagħmel pjan fit-tul u li l-uniku pjan li kellu kien għal ftit, biex ibigħ l-isptarijiet u s-settur tal-enerġija, fost oħrajn.

'Dan il-Gvern ma jirrikonoxxiex l-aġir kriminali u korrott tiegħu'

Ma setax jonqos li jitkellem ukoll fuq ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa u li fi kliemu jikkundanna l-aġir tal-Gvern. Qal li dan ir-rapport jagħti raġun lil dak li ilu jħambaq dwaru, jiġifieri li dan "mhux pajjiż normali."

Saħaq li l-uniku risposta tal-Gvern kienet li din mhijiex istituzzjoni serja. “Għal Joseph Muscat, il-Kunsill tal-Ewropa mhijiex istituzzjoni serja. L-ebda istituzzjoni ma tkun serja jekk ma tkunx maħtufa minnu,” insista l-Kap Nazzjonalista.

L-istess fejn jidħlu l-istatistiċi, bħal dik dwar l-għadd tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni.

“Iwaħħal fl-għalliema. Iwaħħal fl-iskola imma qatt fih innifsu,” insista Delia. “Dan il-Gvern ma jirrikonoxxiex l-aġir kriminali u korrott tiegħu.”

'Lil min kien qiegħed jipproteġi? - Delia dwar il-Brigadier tal-Armata

Kompla wkoll jitkellem fuq il-każ tas-suldat arrestat u akkużat, ma’ sieħbu, fuq il-qtil razzist ta’ immigrant. Fakkar li dan kien reċidiv u meta daħal fl-armata kellu każ pendenti l-Qorti.

Staqsa għalfejn il-brigadier ma ħax azzjoni mill-ewwel. “Lil min kien qiegħed jipproteġi?” staqsa Delia. “X’kien dan ir-reat?”

Insista li l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbilità politika waqt li saħaq li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia diġà farfara.

Delia jitlob maħfra u jisħaq li mhux se jaqta' qalbu

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Adrian Delia insista li kull partit u kull Gvern jagħmel l-iżbalji.

“Aħna żbaljajna u niġi quddiemkom u nitlob skuża lil dawk li weġġajna,” qal Delia fost iċ-ċapċip ta’ dawk kollha preżenti.

B’entużjażmu, insista li l-wiegħda tiegħu u tal-Partit mhijiex li jibgħat iċ-ċekkijiet lin-nies iżda li jifhem il-bżonnijiet tal-poplu.

Temm id-diskors imqanqal tiegħu jtenni li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti li se tbiddel Gvern.

“Wara din l-elezzjoni, il-Prim Ministru se jibqa’ Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jibqa’ Adrian Delia ... iżda flimkien nistgħu nagħmlu dan il-vjaġġ flimkien. Mela ejja nsaħħu l-Oppożizzjoni. Nibdew il-mixja flimkien għal pajjiżna. Kuraġġ. Jien mhux se naqta’ qalbi.”

‘Aħna l-underdogs iżda aħna Nazzjonalisti u ma naqtgħux qalbna’ – Clyde Puli

Ir-rally kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli li l-messaġġ ewlieni tiegħu kien li l-Partit Nazzjonalista, it-tmexxija, l-Eżekuttiv, il-Grupp Parlamentari u l-organi kollha tiegħu kienu lkoll flimkien jaħdmu għal din il-kampanja elettorali.

Irringrazzja b’mod partikolari lill-Uffiċċju Elcom, l-uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista li jieħu ħsieb l-elezzjonijiet u saħaq li kien bis-saħħa ta’ dawn il-persuni li jaħdmu fi ħdan dan l-uffiċċju, li l-Partit Nazzjonalista nduna li s-sistema tal-għadd tal-voti l-ġdida setgħet tkun imbagħbsa u li kien hemm min rċieva dokument wieħed ta’ vot.

Puli ma naqasx, kif għamel f’kull okkażjoni li kellu, biex jisħaq li l-Partit Nazzjonalista finanzjarjament mhux b’saħħtu u l-kampanja saret bis-saħħa tad-donazzjonijiet tan-Nazzjonalisti.

“Kellna kampanja modesta iżda mfawra,” insista Puli waqt li ddeskriva dik tal-Partit Laburista bħala negattiva u diviżiva.

‘Vot għall-PL huwa vot għall-abort u għall-armonizzazzjoni tat-taxxa’

Tkellem dwar il-manifesti elettorali tal-Partit Nazzjonalista, u dwar dak kollu li insista dwar dak li kkampanja dwaru l-Partit Nazzjonalista fosthom il-pensjonijiet, il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt, ix-xogħol, l-użu aħjar ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, il-ġlieda kontra l-kanċer u dwar l-ambjent.

Insista li din mhijiex elezzjoni bejn Joseph Muscat u Adrian Delia iżda hija aktar elezzjoni bejn Manfred Weber, il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew u Frans Timmermans il-kandidat tas-Soċjalisti u bejn iż-żewġ manifesti li qed jippreżentaw iż-żewġ partiti Ewropej.

“Din hija elezzjoni Ewropea,” saħaq Puli waqt li fakkar li s-Soċjalisti jridu l-abort u l-armonizzazzjoni tat-taxxa. “Il-Partit Laburista qed jikkontesta taħt dan il-manifest...vot għall-kandidati Laburisti huwa vot għall-abort u vot għall-armonizzazzjoni tat-taxxa.”

Temm jisħaq li huwa l-Partit Nazzjonalista l-underdog f’dawn l-elezzjonijiet iżda “aħna Nazzjonalisti u ma naqtgħux qalbna,” kompla jinsisti waqt li appella lin-Nazzjonalisti kollha biex nhar is-Sibt jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika