'It-triq 'l quddiem hija l-integrazzjoni mal-barranin mhux il-lingwa tal-mibegħda'

'Nirrifjutaw ir-rettorika ta' min qalilna li fqajna lil Malta bil-barranin. Aħna bix-xogħol fqajniha lil Malta' - Joseph Muscat

Il-folla fil-Birgu għall-aħħar attività tal-Partit Laburista
Il-folla fil-Birgu għall-aħħar attività tal-Partit Laburista

Meta kien qed jitkellem ilejla fil-Birgu l-Prim Ministru Joseph Muscat reġa sostna li t-triq 'l quddiem hija dik ta' integrazzjoni "u min jaħseb li bil-lingwa tal-mibegħda naslu ximkien qed jiżbalja." F'referenza għall-fatt li kien qiegħed il-Birgu qal li "jkun hemm min jinqeda' bl-Assedju l-Kbir biex jgħidu li ġġilidna kontra l-barranin, imma mhu vera xejn. Dakinhar aħna ħdimna spalla ma' spalla mal-barrani," sostna l-PM u  Mexxej Laburista.

"Nirrifjutaw ir-rettorika ta' min qalilna li fqajna lil Malta bil-barranin. Aħna bix-xogħol fqajniha lil Malta," qal Muscat li reġa sostna illi l-Maltin għandhom qalbhom tajba u ta' valuri sodi. "Aħna nies li nħobbu u dak li ma rridux fuqna ma rriduhx fuq ħaddieħor. L-isfida li jmiss hija li ngħixu lkoll flimkien."  

Muscat qal illi biż-żmien il-Moviment Laburista kiber u beda jaħdem u jippjana l-futur ta' pajjiżna. "Aħna konna għidna jew immorru 'l quddiem jew lura. Aħna konna għidna li mhux vera bilfors kellna nħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma għolja, aħna konna għidna li le, mhux bilfors għandna nitkarrbu għax-xogħol." 

'L-aħjar żmien ta' pajjiżna qiegħed hawn' 

Muscat qal illi llum hawn fiduċja li uliedna u l-pensjonanti se jgħixu aħjar, "l-aħjar żmien ta' pajjiżna qiegħed hawn" sostna l-Prim Ministru. Kompla jgħid illi mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma biss, il-Gvern qed jitfa' "€90 miljun fil-bwiet tan-nies, iffrakajna €5,000 lil min se jixtri l-ewwel dar, €4,000 lil min jibgħat lit-tfal f'child care u naqqasna l-faqar." Il-PM u Mexxej Laburista qal illi l-Gvern se jibqa' jaħdem biex il-faqar ikun eradikat u biex ikollna pajjiż "mimli sinjuri żgħar."  

Semma ż-żieda fil-paga minima u ż-żieda fil-pensjonijiet li jfakkar illi introduċa Gvern Laburista. "Ħaddieħor mhux biss ma żiedx il-pensjonijiet imma kont tfittex il-mediċina u ma ssibhiex. Mhux talli ma żiedx il-pensjonijiet talli għakkishom lill-pensjonanti. Aħna biddilna d-direzzjoni u tajna d-dinjità. Illum issibhom il-pirmli m'għandekx għalfejn tmur tixtri u dawk li trid tixtri raħħasnihom. Aħna tajna żieda darba wara oħra fil-pensjonijiet u qed inroddu lura dak li ħaddieħor ma tax." 

Muscat qal illi nhar is-Sibt se ssir ġustizja ma' min, skontu, għamel vendikazzjoni mal-poplu għax "m'għoġbitux l-għażla tal-poplu," u kien hawn li appella biex kulħadd imur jivvota u jivvota kmieni.  

'Aħna rridu li nkunu fost l-aqwa fid-dinja' - Chris Fearne

Fl-indirizz tiegħu d-Deputat Mexxej u Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal illi Malta tinsab mal-aqwa 10 pajjiżi fid-dinja fil-qasam tas-saħħa. Hu qal li ċerti drittijiet li rbaħna f'pajjiżna għandna dejjem nipproteġuhom permezz ta' politika liberali u kontra l-estrem. 

"Naspiraw li nkunu l-aqwa fid-dinja u dan nibdewh mill-Kunsilli Lokali, għax aħna nemmnu fil-Kunsilli Lokali," sostna d-Deputat PM. "Irridu nagħmlu lil pajjiżna l-aqwa fid-dinja, ġawhra sabiħa ... u intom qed tagħmlu possibbli l-viżjoni tagħna li nkunu fost l-aqwa fid-dinja." 

More in Politika