Muscat fuq quddiem maż-żgħażagħ imma livell għoli ta’ inċertezza u astensjonijiet

Ħarsa ħafifa lejn il-prestazzjoni ta’ Joseph Muscat u Adrian Delia fost wieħed mill-aktar settur ta’ votanti kruċjali, iż-żgħażagħ fl-aħħar sondaġġi tal-Mediatoday

Ninsabu sigħat ’il bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Nhar il-Ħadd filgħodu se nkunu nafu min ġab l-akbar numru ta’ voti, kif se jinqasmu s-sitt siġġijiet u liema kandidati se jitilgħu Brussell.

371,625 persuna huma eliġibbli sabiex jivvutaw f’din l-elezzjoni, minkejja dan, skont l-aħħar sondaġġ it-turnout finali mistenni jkun ta’ 264,969 persuna, li hi ftit anqas mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014. Filwaqt li l-kwota ta’ voti sabiex  jiġi elett kandidat hija mistennija tkun madwar 37,096 vot, jekk nużaw l-istess kejl.

Fost il-fatturi li se jiddeterminaw dan ir-riżultat hemm il-vot taż-żgħażagħ,  sezzjoni ta’ votanti li mfittxija sew mill-partiti politiċi minħabba li  n-nuqqas ta’ affinita f’dan il-grupp ta’ votanti huwa akbar. Fid-dawl ta’ dan, is-sit illum.com.mt qed janalizza l-fatturi li jafu jiddeterminaw fejn se jmur il-vot taż-żgħażagħ billi jindaga dwar liema partit se jkun l-aktar popolari ma’ din is-sezzjoni, liema kandidati jgawdu l-aktar appoġġ u liema partit igawdi l-aktar fiduċja fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

8,000 votant ġdid ta’ 16-17-il sena.

F’Marzu tas-sena li għaddiet il-Parlament approva b’mod unanimu li l-età tal-votanti fl-elezzjonijiet Ġenerali u dawk tal-Parlament Ewropew tinżel minn 18 għal 16-il sena. Grazzi għal din l-emenda se jkun hemm 8,000 votant ieħor fl-elezzjonijiet ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Minkejja li huwa pjuttost diffiċli sabiex wieħed jiddetermina eżattament fejn se jmorru dawn it-8,000 vot, jista' jagħti l-każ li dan il-blokk ta’ voti jinqasam b’mod ugwali bejn iż-żewġ partiti. Dan għaliex wieħed irid iżomm f’moħħu porzjon konsiderevoli ta’ dawn iż-żgħażagħ twieldu u għexu f’sistema politika partiġġjana li ma tantx tħalli lok għal ġenerazzjoni ta’ ħsieb ideoloġiku individwali iżda minflok tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra.

Minkejja dan, fl-istess grupp ta’ votanti jeżisti wkoll fervent kontra l-politika partiġġjana lokali. Dik ta’ aħna u huma, għalhekk jista’ jagħti l-każ li l-partiti żgħar jibbenefikaw xi ftit jew wisq minn dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjoni politiku.

Apparti minn dan, fost il-kandidati li jistgħu jgawdu ħafna minn dan it-8,000 vot probabbilment hemm il-kandidati Laburisti Cyrus Engerer u Miriam Dalli kif ukoll il-kandidata u l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola.

Tul il-kampanja kollha Engerer, qatta’ ħafna ħin jikkampanja viċin sew ta’ din is-sezzjoni ta’ votanti speċjalment ma’ dawk l-2,000 student li jattendu l-Junior College. Tant u hekk li parti integrali mit-tim ta’ komunikazzjoni u strateġija tal-istess Engerer huwa kompost minn eks protagonisti tal-politika studenteska. Dan l-aspett huwa wkoll ippersonifikat f’waħda mill-wegħdiet tal-istess kandidat fejn bażikament qed jgħid li l-UE għandna tipprovdi internet tal-mowbajl b’xejn liż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin.

Fl-istess waqt, il-kandidata u MEP Laburista Miriam Dalli tgawdi wkoll popolarità ma’ dan is-settur ta’ votanti hekk kif hi meqjusa bħala politikanta media savvy u li taf timobilizza l-appoġġ. Apparti illi ħidmitha fil-fora Ewropea l-aktar, dik ambjentali, hi fost l-aktar kwistjonijiet li żgħażagħ iħossu li hi importanti meta jiġu biex jivvutaw.

Min-naħa l-oħra, il-kandidata Nazzjonalista Roberta Metsola wkoll tgawdi appoġġ simili minn dan il-blokk ta’ votanti hekk kif bħal Dalli, Metsola hi meqjusa bħala politikanta li kissret is-saqaf tal-ħġieġ u kisbet suċċessi konsiderevoli.

Iż-żgħażagħ lil min jafdaw l-aktar?

L-aħħar żewġ sondaġġi tal-MediaToday juru biċ-ċar illi Muscat huwa iktar fdat fost iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena. Il-Partit Laburista huwa wkoll l-aktar wieħed li jikseb voti fis-sondaġġ b’44.7% jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Laburista nhar is-Sibt illi ġej. Aktar minn hekk jew 48% jgħidu li jafdaw aktar lil Joseph Muscat.

Minkejja, li dan juri illi l-PL hawnhekk ukoll mistenni jkaxkar, f’dan il-grupp jeżisti persentaġġ kbir ta’ votanti li jew ma jridux jivvutaw jew inkella mhumiex ċerti x’se jivvutaw. Fil-fatt, 28.2% jaqgħu f’din il-kategorija, b’21.1% jgħidu li ma jafux kif se jivvutaw u 7.1% jgħidu li ma jridux jivvutaw.

Jekk il-PN jikseb maġġoranza qawwija ta’ dawn il-voti, li s’issa ma nafux fejn se jmorru hemm ċans, imporababbli kemm jidher bħalissa li l-PN jikseb maġġoranza fost dan il-grupp ta’ votanti.

Joseph Muscat igawdi mill-fiduċja tal-maġġoranza taż-żgħażagħ
Joseph Muscat igawdi mill-fiduċja tal-maġġoranza taż-żgħażagħ

Iż-żgħażagħ jafu jkunu fost l-anqas li joħorġu jivvutaw

Skont figuri tal-MediaToday 42.4% ta’ dawk bejn it-18 u l-35 sena jemmnu li l-Parlament Ewopew m’huwiex ta’ importanza għalihom. Din kienet l-inqas figura ta’ appoġġ u fiduċja fost il-gruppi ta’ etajiet kollha hekk kif saħansitra anke l-pensjonanti jemmnu li l-PE huwa ta’ importanza aktar kbira miż-żgħażagħ.

Fl-istess waqt, 14.8% taż-żgħażagħ qalu li mhumiex se joħorġu jivvutaw, f’turnout li taf tkun ftit jew wisq anqas minn dik ta’ 2014. Apparti minn dan, hu mifhum li turnout f’din l-elezzjoni se tkun baxxa madwar l-UE  kollha tant u hekk li fil-jiem li għaddew l-EU ħadmet bla waqfien sabiex tinkoraġġixxi nies joħorġu jivvutaw dan anke bl-użu tal-plejers tal-futbol hekk kif reċentament il-President tal-PE Antonio Tajani u s-Segretarju Ġenerali tal-federazzjoni tal-futbol FIFPro Europe Jonas Baer-Hoffmann iffirmaw ftehim biex jimmobilizzaw lill-votanti qabel dawn l-elezzjonijiet.

L-ewro-xettiċimu u l-popoliżmu fost iż-żgħażagħ issotovalutat

Waħda mill-akbar mistoqsijiet f’din l-elezzjoni hi dik ta’ Norman Lowell, politiku mibgħud minn ħafna għall-kliem faxxist u dispreġjattiv lejn il-minoranzi u maħbub minn ħafna oħrajn li jqisuh bħala l-gladjatur li kien dejjem lest bit-tarka u xabla biex ‘jiddefendi’ lil-Malta kontra l-ideali ‘liberali’.

 Għalkemm Lowell jista’ jkun li jiġi milqut mill-aħħar andament nazzjonali, fosthom il-qtil brutali tal-immigrant Lassana Cisse Souleyman u l-opinjoni tiegħu dwar nies b’diżabbilità, xorta waħda jista’ jagħti l-każ li dan igawdi minn numru konsiderevoli ta' voti taż-żgħażagħ.

Dan għaliex għal medda twila ta’ żmien, Lowell kien meqjus minn ċertu żgħażagħ bħala karattru kważi satiriku li jgħid affarijiet assurdi u jżeblah bil-politiċi taż-żewġ naħat, bil-filmati tal-interventi tiegħu segwiti u mxerrdin sew u b’hekk dan sar kważi kważi ‘meme’.

Issa, f’xi punt f’dawn l-aħħar snin l-argumenti assurdi ta’ Lowell sabu refuġju fis-sentiment anti-korrettezza politika, anti-EU u Anti immigrazzjoni li tista' u tgħid huwa popolari madwar l-Ewropa kollha. Fl-istess waqt minħabba li l-ideali faxxisti tiegħu fosthom fuq l-immigrazzjoni, nies b’diżabbilità u l-Olokawst huma meqjusin diżgustanti, ħafna minn dawk li beħsiebhom jivvutaw m’humiex qed jagħmlu l-intenzjonijiet tagħhom pubbliċi fost mistħija u biża’ li jkunu kkritikati bil-qawwi fiċ-ċrieki tagħhom.

 B’hekk ir-realtà hi li Lowell ma jappellax biss għal dak l-isterjotip ta’ votant razzist Malti li jinsab iddiżgustat bil-mod ta’ kif "Malta spiċċat" iżda wkoll ma’ dawk il-ħafna żgħażagħ li tista' tqishom ‘imwarrbin’ mis-sistema taż-żewġ partiti, żgħażagħ li jemmnu f’ideoloġija konservattiva ta’ "aħna l-ewwel"iżda li ma jħossuhomx komdi jassoċjaw ruħhom mal-ebda miż-żewġ partiti politiċi li jħossu ressqu wisq lejn iċ-ċentru.

L-inċident televiżiv famuż ta' Norman Lowell jonora l-memorja ta' Carmelo Borg Pisani
L-inċident televiżiv famuż ta' Norman Lowell jonora l-memorja ta' Carmelo Borg Pisani

Dan l-istess ħsieb jallaċċja ma’ studji varji internazzjonali li qed ibassru li l-Ġenerazzjoni Z, jiġifieri dawk li twieldu minn wara s-sena 1995, se tkun l-aktar ġenerazzjoni konservattiva mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.

Skont riċerka ta’ numru ta’ akkademiċi u kumpanija ta’ riċerka, Ġenerazzjoni Z se tkun aktar individwalistika, iktar konservattiva u li din diġà qed tħalli impatt fl-andamanet politiku internazzjonali fosthom fl-elezzjoni presidenzjali tal-Amerika fl-2016.  Huma jaħsbu li dan il-bidla fl-ideoloġija politika mill-ġenerazzjoni preċedenti hi riżultat fost l-oħrajn tal-kultura tal-Internet li trawmu fiha u li prattikament esponiethom għall-ammont ta’ kontenut bla preċedent fuq terroriżmu, gwerer u kriżi finanzjarji. Naturalment bħal kull opinjoni rriċerkata oħra, hemm min imeri dawn il-veduti tal-ġenerazzjoni Z.

Għalhekk wieħed irid iħares lejn Norman Lowell mhux bħala sempliċiment prodott politiku manifatturat fil-fabbrika popolista, iżda bħala fenomenu politiku amplifikat bl-użu tal-Internet u li jgawdi mill-intensità internazzjonali tal-anti-liberaliżmu.

 

More in Politika