Analiżi | Il-kampanja spiċċat; wisq abort, ftit interess u ċuċati fuq il-billboards

Wara ġimgħat issegwi l-kampanja, l-ILLUM tħares lura lejn dawn l-aħħar erba’ ġimgħat. X’kienu l-aqwa u l-agħar mumenti tal-kampanja? Fejn kienu b’saħħithom il-PN u l-PL? U fejn għaxquha?

Ftit sigħat oħra tiġi fi tmiemha kampanja elettorali ta’ ftit aktar minn xahar, kampanja li ftit li xejn kien fiha sugu, fejn il-kwistjonijiet ewlenin kienu ftit jew wisq imġebbda u li tat il-ġenb dawk it-temi Ewropej u nazzjonali li l-aktar jolqtu n-nies, fosthom l-ambjent, l-akkomodazzjoni soċjali, il-kirjiet u l-pagi.

Forsi għax in-nies għajjew, jew inkella għax ftit li xejn hemm x’tagħżel, imma l-interess ma kienx xi wieħed kbir. Vera li din mhijiex elezzjoni ġenerali, iżda l-partiti kellhom kull ċans biex jispjegaw lill-votanti li kwistjonijiet Ewropej u l-futur tal-Unjoni Ewropea jaffettwaw direttament lilna l-Maltin.

Minflok, erġajna kellna kampanja ta’ botta u risposta, kampanja li ddiskutiet temi li tqajmu għall-konvenjenza politika u fejn għal darb’oħra, il-partiti ż-żgħar li kellhom ċans tad-deheb biex iqajmu rashom, leħinhom ma wassalx biżżejjed.

Dan kollu ġie bi prezz qares! Rajna l-partit ta’ Norman Lowell, partit nazzista tal-lemin estrem jgħolli rasu u skont is-sondaġġi jsir it-tielet l-akbar forza politika, anke jekk apparti l-barranin, ippropona ‘l-mercy killing’ ta’ trabi li jitwieldu b’diżabilità severa.

Il-bidu tal-kampanja: il-PN jibda fuq sieq ħażina iżda b’tema attwali

Il-Partit Nazzjonalista beda din il-kampanja fuq sieq ħażina. Apparti l-iżball tal-Malti fuq il-billboard (li juri nuqqas ta’ organizzazzjoni), il-messaġġ li kien qed jitwassal fil-bidu tal-kampanja kien wieħed ta’ apatija u rassenjazzjoni.

Ma tibdiex kampanja elettorali tilmenta li ma għandekx flus, kif għamel is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli. Il-messaġġ li ntbagħat kien ta’ partit bla riżorsi u li qata’ qalbu mill-ġirja qabel telaq jiġri!

Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista pprova juri wkoll tiġdid. Il-maduma ma dehritx. Minflok, il-Partit Nazzjonalista uża arma aktar moderna, anke jekk mhijiex dik uffiċjali.

It-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna,’ kienet qed tibgħat żewġ messaġġi. ‘Flimkien’ tinsisti dwar il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jkun magħqud. Jekk ma jingħaqadx, ċans kontra l-Partit Laburista mhux se jkollu. Ipprova juri dan meta stieden lil dawk id-Deputati ‘ribelli,’ li ftit li xejn kienu qed jidhru, inkluż Chris Said, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina, biex jindirizzaw kemm konferenzi u anke l-attivitajiet ta’ taħt it-tinda.

Jekk din l-għaqda hijiex ta’ vera jew inkella għall-konvenjenza, għad irridu naraw.

‘Għal Pajjiżna,’ ippruvat tkisser ukoll ir-rettorika tal-Partit Laburista li għamel kampanja sħiħa jisħaq fuq il-fatt li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti għamlu snin jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż, impressjoni li l-Kap Nazzjonalista u l-kandidati Nazzjonalisti ppruvaw ikissru tul din il-kampanja.

Il-bidu tal-kampanja: il-PL jibda b’saħħtu u bħal dejjem organizzat

Huwa fatt magħruf li l-Partit Laburista fejn jidħlu l-kampanji elettorali joħroġ b’saħħtu.

Deher organizzat anke fil-mod kif ippreżenta l-kandidati tiegħu, ir-ritratti li ttieħdu, il-postijiet li għażel u r-riklami li xandar.

Kien pront joħroġ billboard biex iwaqqa’ għaċ-ċajt l-iżball li ħa l-Partit Nazzjonalista fuq l-ewwel billboard tiegħu. Vera turi l-istat miskin tal-politika f’Malta, iżda jibqa’ l-fatt li l-Partit Laburista reġa’ deher organizzat u innovattiv.

Dan kollu wassal idea ta’ partit żagħżugħ, mimli enerġija, lest biex jikkampanja u li se jagħmel kollox biex jirbaħ u jirbaħ bil-kbir.

It-tema ‘Malta f’Qalbna’ hija frażi qasira iżda wkoll effettiva biex tużaha fl-attivitajiet u biex tirrepetiha darba wara oħra u tidħol fil-mentalità tal-poplu kif daħlu t-temi ‘Malta Tagħna Lkoll’ u ‘L-Aqwa Żmien.’

Il-PN jibda jirkupra; Delia joħroġ b’saħħtu fl-ewwel dibattitu

Anke jekk beda fuq sieq ħażina, il-Partit Nazzjonalista beda jirkupra. Delia deher aktar ippreparat mis-soltu u beda jwassal il-messaġġ tiegħu b’mod li jinftiehem.

Il-mexxejja waqt l-ewwel dibattitu bejniethom
Il-mexxejja waqt l-ewwel dibattitu bejniethom

L-ewwel dibattitu waqt Xtra tah ukoll spinta ’l quddiem. Delia deher komdu jiddibatti, ħareġ b’argumenti tajbin, spjegahom bil-kalma u anke jekk wieħed kien qed jistenna li ‘jgħaxxaqha’ minn ħin għall-ieħor, din id-darba kien il-Prim Ministru li għaffiġha, tant li kellu jitlob apoloġija dwar il-kumment tiegħu fuq il-ħaddiema barranin.

Il-Partit Nazzjonalista ħataf din l-okkażjoni biex jagħmel festa minn dan ‘il-flop’ tal-Prim Ministru u baqa’ jfakkru kważi kważi f’kull attività.

Proposti: il-Partit ħafna aktar organizzat u effettiv biex iwassal il-messaġġ

Wieħed ma jistax ma jsemmix  li l-Partit Nazzjonalista nieda sensiela ta’ proposti tul din il-kampanja, fosthom għall-kura tas-saħħa mentali, għad-dijabetiċi, għal dawk bid-dislessja, għall-isport u oħrajn.

Li żbalja l-Partit Nazzjonalista huwa li semma dawn il-proposti ta’ malajr f’sensiela ta’ konferenzi qosra li rari damu aktar minn kwarta. Il-bqija ftit li xejn irrefera dwarhom jew spjegahom. Kif tridhom isiru jafu bihom in-nies? Min għadu jisma’ l-konferenzi fil-ħdax ta’ filgħodu?

Fil-fatt kull meta ġie biex jippreżenta l-proposti u l-manifesti tiegħu, il-Partit Laburista bħal dejjem kien aktar organizzat. Sejjaħ konferenzi u spjega l-proposti waħda waħda b’mod organizzat.

Delia jidher mill-inqas fil-kampanja…imma hemm kien

Meta l-Partit Laburista nieda l-proposti tiegħu, kien il-mexxej tiegħu Joseph Muscat li ħabbarhom u spjegahom.

Il-Partit Nazzjonalista ma għamilx hekk meta ħabbar il-manifesti tiegħu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Dawn il-proposti ħabbarhom Clyde Puli. Vera li Delia ilu jinsisti li hu mhux il-Partit Nazzjonalista, iżda wara kollox huwa l-kap. Jekk partit qed jippreżenta proposti, għandu jkun il-kap li jħabbarhom u li jispjegahom.

Dan iwassalna għal mistoqsija li staqsew il-ġurnalisti u bir-raġun. Għalfejn Delia ma ndirizzax konferenza waħda tul din il-kampanja? Għalfejn il-ġurnalisti ftit li xejn kellhom ċans jistaqsuh? Beża’ li setgħu jistaqsuh mistoqsijiet skomdi u li jitfgħuh f’dell ikrah?

Iżda jekk Delia ma indirizzax konferenzi, ma jfissirx li ma kienx preżenti u ma kienx qed jikkampanja. Joseph Muscat dar il-lokalitajiet kollha. Iż-żjajar kienu organizzati. In-nies ħarġu jilqugħ u l-fotografi hemm kienu.

Delia għamel dan filgħodijiet. Il-midja ma kinitx tkun infurmata. Lanqas in-nies. Kien iżur il-lokalitajiet u daħal fil-ħwienet, fil-każini u tkellem man-nies. Dan il-kuntatt informali huwa importanti wkoll u xi drabi aktar effettiv, għax min irid jgħidlu xi ħaġa se jgħidielu mingħajr kameras f’wiċċu.

Botta u risposta dwar l-għadd tal-kandidati tal-PN għall-Kunsilli Lokali

Il-Partit Laburista ħareġ b’saħħtu meta fl-ewwel jiem tal-kampanja baqa’ jinsisti u jgħid li l-PN ma ħariġx biżżejjed kandidati f’23 lokalità u li l-elezzjonijiet f’dawn il-lokalitajiet se jsiru biss għax il-Partit Laburista ħareġ biżżejjed kandidati.

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jfarfar ir-responsabbilità fuq il-Gvernijiet Nazzjonalista. Issa ilu sitt snin fil-Gvern

Il-gazzetta ILLUM analizzat dan id-diskors. F’ċertu lokalitajiet, il-Partit Laburista kellu raġun, f’oħrajn spinja u ġebbed l-argument xi ftit jew wisq.

Iżda fejn kien il-Partit Nazzjonalista? Ħlief għal stqarrija waħda u mġebbda wkoll, li kienet tinkludi żball, il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn ipprova jiddefendi lilu nnifsu, forsi għax kien jaf li vera sab diffikultà biex isib kandidati.

Imnalla kien il-kumment tal-Prim Ministru li l-kunsilli lokali qatt ma kienu “is-super favoriti” tiegħu, biex il-Partit Nazzjonalista kellu ma xiex jaqbad.

L-abort: imma x’fettilu l-Partit Nazzjonalista?

Minn tema li kulħadd kien bħal donnu jibża’ jitkellem fuqha, il-Partit Nazzjonalista spiċċa biex poġġa l-abort fuq l-aġenda nazzjonali, anke jekk irid bil-kontra.

Dan kien suġġett li minn żmien għal żmien kien iqajjem rasu u jerġa’ jorqod u jmut. Qatt qabel ma kien hawn żmien li l-pajjiż għamel erba’ ġimgħat jitkellem fuq l-abort kuljum u l-ħin kollu.

Veru li l-Partit Laburista approva l-manifest tas-Soċjalisti li jgħid iswed fuq l-abjad li l-abort għandu jkun dritt, iżda l-Prim Ministru kien ċar aktar minn darba meta qal li ma għandux mandat li jdaħħal l-abort.

Il-billboard tal-Partit Nazzjonalista dwar l-abort
Il-billboard tal-Partit Nazzjonalista dwar l-abort

Mhux hekk biss, iżda l-Kummissjoni Ewropea ma tistax timponi l-introduzzjoni tal-abort f’Malta. Allura l-Partit Nazzjonalista għalfejn qabad ma’ dan is-suġġett u ma jridx jitilqu? Għax vera jemmen hekk? Jew għall-konvenjenza politika?

Delia kien irresponsabbli għalkollox meta ddeskriva l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej bħala referendum fuq l-abort. Allura jekk jirbaħ il-Partit Laburista, kif hu mistenni li jseħħ, nistgħu ngħidu li l-maġġoranza tal-Maltin iridu l-abort? Din Delia ħasibha?

Mill-banda l-oħra, biex jaqtgħuha darba għal dejjem li l-Partit Laburista mhux se jaħdem biex idaħħal l-abort f’Malta, aktar kandidati Laburisti misshom wieġbu għall-kwestjonarju mibgħut lilhom mill-Fondazzjoni Life Network.

It-taxxa: argument ieħor imġebbed!

Smajna ħafna dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Il-Partit Nazzjonalista għamilha waħda mill-ġlidiet ewlenin tiegħu u baqa’ jinsisti dwarha anke meta Joseph Muscat għamilha ċara li hu kontra l-proposta tas-Soċjalisti sħabu stess.

Bħall-abort, sal-lum, ħadd ma jista’ jindaħal lil Malta jew stat membru ieħor fuq is-sistema tat-taxxa.

Minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista għadu qed jisħaq li vot favur “il-Partit Soċjalista Malti” huwa vot favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa.

L-MEPs Laburisti ħarġu jakkużaw lil dawk Maltin li kienu huma li vvutaw biex Malta ma jibqax ikollha dritt li tiddeċiedi hi t-taxxa tagħha.

Kien argument ieħor imġebbed! Iż-żewġ partiti, it-tnejn iċċaraw u saħqu li huma kontra. Iridu jkunu mġienen biex jaqblu. Mela allura għalfejn bqajna għaddejjin biha?

Il-barrani: diskussjoni mimlija ċpar

Ejja naqtgħuha darba għal dejjem! Il-Partit Nazzjonalista qatt ma qal li ma għandniex naċċettaw aktar immigranti, li għandna nagħlqu l-portijiet, li għandna nħallu d-dgħajjes bl-immigranti bejn sema u ilma.

Li żbalja l-Partit Nazzjonalista huwa li semma dawn il-proposti ta’ malajr f’sensiela ta’ konferenzi qosra... Kif tridhom isiru jafu bihom in-nies? Min għadu jisma’ l-konferenzi fil-ħdax ta’ filgħodu?

Huwa l-Partit Laburista li pprova jdaħħal f’moħħ il-poplu li dan huwa l-argument tal-Partit Nazzjonalista.

Muscat ipprova jagħmel hekk fl-ewwel dibattitu tiegħu ma’ Adrian Delia meta kważi kważi għajru inkosistenti għax kien iffirma ittra, ma’ għadd ta’ avukati kontra l-pushback. Iżda Delia dejjem insista li d-drittijiet tal-persuni għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox! Jekk xejn, il-Prim Ministru hawn kien qed ifakkar li hu kien dak li wiegħed u hedded bil-pushback.

L-argument tal-barranin li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa li l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-barranin u dan mhux sostenibbli. Qed jisħaq li l-pajjiż jeħtieġ jippjana fit-tul, biex jara x’impatt se jkollha ż-żieda fil-popolazzjoni fuq l-ambjent, l-infrastruttura u l-prezzijiet tal-kera fil-pajjiż. Dan huwa l-argument li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Madanakollu, anke l-argument ta’ Delia huwa ġust u wieħed jifhmu, ħadd ma jaf x’qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.

Se nillimitaw kemm jidħlu barranin fil-pajjiż? U jekk se nagħmlu hekk ħa nagħżlu min jidħol? Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li qed jagħmel argument ġust, baqa’ tul kampanja sħiħa ma ssostanzjahx l-argumenti tiegħu b’soluzzjoni.

L-ambjent: Skoperta ta’ qabel l-elezzjoni?

L-ambjent. Ngħiduha kif inhi, ħadd mhu kuntent bl-istat tal-ambjent f’pajjiżna. Kulħadd qed igerger.

Vera li l-Gvern nieda strateġija biex jinqata’ l-plastik li jintuża darba biss u ħabbar proġett għat-tkabbir tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. It-tnejn li huma pożittivi, iżda qabel l-elezzjoni kulħadd iħobb iroxx, dawn bħaċ-ċekkijiet u r-raba’ vapur.

Il-fatt jibqa’ li fl-aħħar snin, l-ambjent ħa daqqa ’l isfel. L-argument tal-Prim Ministru, fejn tidħol il-kostruzzjoni huwa li l-akbar proġetti, anke dawk kontroversjali saru skont il-politika tal-iżvilupp li l-Partit Nazzjonalista daħħal fl-2006.

Joseph Muscat waqt li żvela l-proġett tat-tkabbir tal-Park Nazzjonali
Joseph Muscat waqt li żvela l-proġett tat-tkabbir tal-Park Nazzjonali

Imma Delia kellu raġun ilbieraħ meta qal lill-Prim Ministru biex iħares ’il quddiem. Vera li forsi mhumiex l-aqwa pjani lokali, iżda l-Gvern ma jistax jibqa’ jfarfar ir-responsabbilità fuq il-Gvernijiet Nazzjonalista. Issa ilu sitt snin fil-Gvern. Din hija t-tieni leġislatura tiegħu. Jekk huma ħżiena, kien missu biddilhom.

Il-kanċer: il-PN seta’ indirizza dan is-suġġett sensittiv aħjar

Marbuta mat-tema tal-ambjent, il-Partit Nazzjonalista tkellem ħafna fuq l-arja. Hija tema attwali. Qabad statistika riċenti tal-Eurostat u insista dwar l-arja ħażina f’Malta.

Ma’ dan rabat b’mod tajjeb il-kwistjoni tat-traffiku (anke jekk l-uniku soluzzjoni li offra kienet li jkun hawn mezz ta’ trasport tal-massa, mingħajr qatt ma spjega x’għandu f’rasu), iżda fuq kollox il-ġlieda kontra l-kanċer.

Mhux se nidħol fil-mertu jekk il-billboard tal-Partit Nazzjonalista kienx insensittiv jew le. Madanakollu, kien ikun aktar effettiv kieku kien aktar konkret u spjega proposta tal-PN jew inkella tkellem fuq fondi Ewropej li jistgħu jinkisbu biex il-pajjiż ikun jista’ jinvesti aktar fil-kura tal-kanċer.

 Il-billboard tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kanċer
Il-billboard tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kanċer

Temi oħra importanti ngħataw il-ġenb jew issemmew fuq fuq…

Jidher li t-temi ewlenin f’din l-elezzjoni kienu dawk li insista dwarhom il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri l-abort u t-taxxa, iżda din il-kampanja nesiet jew tat il-ġenb temi oħra l-aktar li jolqtu n-nies.

Ftit li xejn smajna dwar il-kera, dwar l-akkomodazzjoni, dwar il-pagi. Issemmew ftit li xejn waqt xi attività politika, iżda kif jgħid l-Ingliż, kienu sempliċiment ‘a passing comment.’

L-istess fejn tidħol l-immigrazzjoni. Wieħed kien jistenna li f’din il-kampanja, it-tema Ewropea u nazzjonali tal-immigrazzjoni irregolari kienet se tkun fiċ-ċentru.

Biex ngħidu kollox, il-Partit Nazzjonalista tkellem u indirizza ċertu setturi li huma żgħar iżda li din l-elezzjoni tinteressahom. Tkellem fuq il-biedja, fuq is-sajd, fuq il-kaċċa u pprova jiġbed lejh dawn in-niċeċ ta’ votanti billi spjega kif jistgħu jibbenefikaw huma wkoll mill-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati: il-Partit Nazzjonalista jesponihom aktar

Dan iwassalna biex nitkellmu fuq il-kandidati. Il-Partit Nazzjonalista tahom aktar spazju. Kellhom ħafna aktar ċans li jitkellmu u fil-fatt dan kien il-messaġġ ta’ Delia tul il-kampanja.

Fil-bidu tal-kampanja elettorali insista li din mhijiex elezzjoni bejnu u bejn Joseph Muscat u baqa’ jisħaq dwarha sal-aħħar anke jekk il-Partit Laburista qed jikkampanja bil-kontra.

Propju għalhekk li sal-aħħar, inkluż fl-aħħar billboards, il-Partit Nazzjonalista poġġa fuq quddiem il-kandidati tiegħu. Imbotta l-messaġġ tagħhom. Dawk ġodda ngħataw iċ-ċans li jispjegaw il-prijoritajiet tagħhom (mhux tal-partiti) u l-Ewroparlamentari attwali (li l-Partit Laburista dejjem pinġihom f’dawl ikrah) ingħataw iċ-ċans li jitkellmu fuq dak li wettqu u l-liġijiet li ħadmu fuqhom.

Il-PL Kien pront joħroġ billboard biex iwaqqa’ għaċ-ċajt l-iżball li ħa l-Partit Nazzjonalista fuq l-ewwel billboard tiegħu. Vera turi l-istat miskin tal-politika f’Malta, iżda jibqa’ l-fatt li l-PL reġa’ deher organizzat u innovattiv

Wieħed jista’ jisħaq u jargumenta wkoll li l-Partit Nazzjonalista għażel din l-istrateġija għax Delia mhuwiex l-aqwa karta li jista’ jilgħab il-Partit Laburista, kif jista’ jagħmel il-Partit Laburista b’Muscat. Min jaħseb hekk, jista’ jkun li għandu raġun ukoll.

Joseph Muscat ma jridx jirbaħ…irid jirbaħ bi kbir

Meta Joseph Muscat baqa’ jpoġġi lilu nnifsu fuq quddiem nett tal-kampanja u saħansitra poġġa wiċċu fuq il-billboards, kien qed iwassal messaġġ wieħed: “Ejja ħa nirbħu u nirbħu bi kbir.”

Jaf li l-kwistjoni Egrant tiġbed in-nies! Għalhekk ħa l-opportunità mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u ħeġġeġ lil-Laburisti biex nhar is-Sibt “jagħtu risposta,” lil dawk li fi kliemu gidbu fuqu.

Jaf li jgawdi popolarità kbira, aktar mill-Partit Laburista u għalhekk jaf li jekk jidher fuq quddiem, jekk ikun il-wiċċ tal-kampanja, il-Partit Laburista se jmur tajjeb.

Jekk vera se jitlaq, Muscat irid akkost ta’ kollox li jitlaq b’bagalja ta’ rebħiet kbar.

 Il-partiti ż-żgħar: tilfu opportunità li jikbru

Dwar il-partiti ż-żgħar ma tantx se nieħu spazju. Ftit li xejn hemm xi tgħid. Kienu assenti. Huma qed iwaħħlu fil-mentalità li daħlu l-partiti l-kbar, iżda din l-iskuża llum ma treġġix. Hemm mezzi fuq mezzi kif twassal il-messaġġ tiegħek.

Bdiet tgħaxxaqha l-Alternattiva Demokratika. Aktar ma hemm bżonn li jkunu magħquda, l-Aleternattiva spiċċat tilfet lill-akbar riżorsa tagħha, lil Arnold Cassola, minħabba argument pwerili fuq l-abort.

Il-Partit Demokratiku flok deher organizzat u rikeb fuq il-fatt li hu diġà qiegħed fil-Parlament, deher diżorganizzat meta “minħabba żball uman” nesa lid-Deputat Kap tiegħu, Timothy Alden, fuq il-lista tal-kandidati għall-kunsilli lokali u fl-aħħar jiem, spiċċaw ma jaqblux għalkollox fuq il-kwistjoni tal-abort.

Dehru wkoll mhux ippreparati meta kellhom ftit ċans li kellhom biex isemmgħu leħinhom. Bagħtu kandidati biex jitkellmu waqt id-dibattiti tal-Awtorità tax-Xandir li spiċċaw ilaqilqu u jidhru skomdi quddiem ċertu mistoqsijiet.

U x’proposti konkreti ħarġu bihom? Ħadd ma jaf.

Mhux ta’ b’xejn li skont is-sondaġġi huma diversi dawk li flok qed iħarsu lejn il-PD u l-AD bħala vot ta’ protesta, qed iħarsu lejn kandidat li jgħid li Aushwitz huwa “Disneyland tal-Ewropa.”

More in Politika