Analiżi | Konvinċenti biżżejjed? L-aqwa u l-agħar bejn Muscat u Delia lbieraħ

Ilbieraħ kien l-aħħar dibattitu għal din il-kampanja bejn Joseph Muscat u Adrian Delia. Imma min ikkonvinċa? Delia għamel progress kbir, imma biżżejjed? Għandu raġun Muscat fuq il-barranin? U l-abort, kellu jiddomina daqstant? 

Ilbieraħ sar l-aħħar dibattitu bejn il-mexxejja politiċi. Dibattitu li ma kienx jaħraq u lanqas wisq eċitanti biż-żewġ mexxejja politiċi jgħidu l-affarijiet li prattikament ilhom jgħidu mill-bidu tal-kampanja u saħansitra qabel. X’differenza mid-dibattiti mqanqlin bejn Joseph Muscat u Lawrence Gonzi jew Gonzi u Alfred Sant jew Eddie Fenech Adami u Mintoff. Forsi m’hemmx l-elettriċità li konna mdorrijin biha qabel, biż-żewġ mexxejja kważi jitqabdu u jitbaqbqu. Jista’ jkun li dan jirrappreżenta wkoll il-fatt illi fil-pajjiż bħalissa la hawn xi ħeġġa kbira għal dawn l-elezzjonijiet u lanqas hawn kwistjonijiet jaħarqu u fundamentali għall-pajjiż bħalma kellna fl-2003/4 fir-rigward tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Imma ejja nagħtu ħarsa iktar profonda lejn id-dibattitu tal-bieraħ, il-punti li tkellmu dwarhom iż-żewġ mexxejja politiċi, fejn kienu b’saħħithom u fejn ma kinux.

Adrian Delia: progress qawwi fil-mod kif iwassal il-messaġġ. Imma qed ilaħħaq ma’ Muscat?

Adrian Delia għamel progress qawwi fil-mod kif jgħaddi l-messaġġ tiegħu, mill-ewwel diskors tiegħu fuq il-Fosos f’Settembru tal-2017 sal-mod kif wassal il-messaġġ tiegħu lbieraħ waqt id-dibattitu.

Il-messaġġ u l-mod kif twassal kienu ħafna iktar koerenti. Id-diskors kien ħafna aktar ċar, ħafna iktar dirett u ħafna iktar marbut mar-realtà ta’ bosta familji Maltin u Għawdxin.

Bla dubju t-titjib f’Delia kien kostanti. Dak tal-bieraħ immarka dan il-progress.

Imma l-progress ta’ Delia huwa biżżejjed biex jibda jiekol mis-saħħa ta’ Muscat?

‘Is-surplus min qed iħossu?’

Delia lbieraħ, bl-aktar mod ċar kien qed jappella għal dawk il-faxex ta’ nies li jew baqgħu bejn wieħed u ieħor fejn kienu fl-2013 jew inkella saħansitra marru għall-agħar minħabba żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti, żieda fil-kirjiet jew ċirkostanzi personali.

Fid-dibatitu, għal darbtejn, għamel referenza għas-surplus u staqsa fejn mar dan is-surplus. Issa Delia jaf illi dan il-Gvern wettaq miżuri fiskali favur il-ħaddiema u pensjonanti, imma jaf ukoll illi hemm faxex ta’ nies li jinsabu: 1) maqbudin f’post tax-xogħol b’paga baxxa bi ftit prospetti ta’ paga aħjar minħabba ħaddiema (ġeneralment barranin) li lesti jaħdmu għall-karawett, 2) persuni, anke jekk huma ftit, li għandhom il-mannara tal-kirja fuq rashom u 3) persuni u familji li mhumiex qed ilaħħqu mal-ħajja. Delia jaf ukoll li l-Gvern bl-għajjat tas-surplus għolla l-aspettattivi popolari u n-nies qed nistennew ħafna, forsi qed jistennew aktar milli qed jagħtihom il-Gvern.

Il-punt ta’ Delia dwar il-manifest tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fil-fatt jagħmel sens għaliex l-S&D iswed fuq l-abjad qed iwiegħdu l-abort. Minkejja dan, l-enerġija li ntefgħet fuq dan is-suġġett minn Delia missha ntefgħet fuq il-kirjiet u l-prezzijiet tal-ikel u l-ambjent

Huwa ċar illi lbieraħ Delia kien qiegħed jappella għal dan is-sentiment, għas-sentiment popolari li ‘basta qed nagħmlu l-profitt u l-pagi baqgħu l-istess.’ Naturalment iż-żieda fil-paga mhix responsabbilità tal-Gvern meta dik il-paga hija tal-privat u allura, għalkemm hija kritika li tinħass, is-soluzzjoni għal pagi baxxi mhux daqstant faċli, jekk mhux permezz ta’ tisħiħ tat-trejdunjoniżmu.

Hu appella għal dan is-sentiment ukoll meta rrefera għaż-żieda fil-Prodott Domestiku Gross (GDP) u qal li dan ma jfissirx li kulħadd sejjer tajjeb, għalkemm ammetta li hemm min sejjer tajjeb ħafna u min sejjer tajjeb. Huwa importanti fil-fatt, għalkemm mhux biżżejjed, li Delia dejjem iserraħ ras dawk li sejrin jew se jmorru tajjeb taħt Gvern  Laburista, formola użata minn Joseph Muscat biex jirbaħ lill-klassi tan-negozjanti u l-intraprendituri, klassi li għal ħafna snin tat l-appoġġ lill-PN.

L-abort: żball strateġiku jew għaqal?

L-abort, xi ftit jew wisq, iddomina din il-kampanja iktar minn kampanji oħrajn.

Il-punt ta’ Delia dwar il-manifest tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fil-fatt jagħmel sens għaliex l-S&D iswed fuq l-abjad qed iwiegħdu l-abort. Minkejja dan, l-enerġija li ntefgħet fuq dan is-suġġett minn Delia missha ntefgħet fuq il-kirjiet u l-prezzijiet tal-ikel u l-ambjent u kwistjonijiet bħall-VGH u l-iżbalji fil-kontijiet, il-pagi u aktar. Tkellem tant Delia fuq dawn il-kwistjonijiet f’din is-sena u nofs! Hija inkonċepibbli li meta mbagħad waslet il-kampanja Delia ta inqas importanza lill-kwistjonijiet li fihom hu b’saħħtu u ħafna importanza lil kwistjoni illi sa qabel April ħadd ma kien qed jitkellem dwarha.

Barranin, pompi u aktar...

Delia kien b’saħħtu meta għadda botta dwar il-pompi tal-petrol u l-karozzi elettriċi għalkemm forsi ma fetaħx biżżejjed dwar dan is-suġġett. Għandu raġun meta jitkellem dwar iffullar, pereżempju, minħabba nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern.

Il-problema ta’ Delia fuq il-barranin mhix l-ilment tiegħu imma hija r-risposta għall-mistoqsija; ‘imma x’inhi l-alternattiva?’

Delia m’użax il-ħin, anke jekk limitat, biex jitkellem biżżejjed fuq il-proposti tal-PN dwar il-kanċer, id-dijabete, il-bdiewa, is-sajjieda, il-barranin u aktar. Biex tinbena l-perċezzjoni li dik tal-PN hija oppożizzjoni propożittiva hemm bżonn  li jsir aktar aċċenn fuq il-proposti.

Naturalment Delia jibqa’ b’saħħtu fuq kwistjonijiet bħal privatizzazzjoni tal-VGH li sejjaħ ‘oxxenita’, li xi jew ftit jew wisq fil-fatt hi u meta semma l-ambjent li qal illi jinsab taħt ‘assalt’. Sfortunatament id-deċiżjoni li jkabbar iż-żoni tal-iżvilupp hija xi ħaġa li għamel Gvern Nazzjonlista u li għadha friska fil-memorja kollettiva.

Huwa fatt li d-domanda minn ħaddiema barranin, ħafna minnhom li għandhom kull dritt jaħdmu Malta qed twassal għall-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kera

Joseph Muscat: jibqa’ kelliem eċċellenti, imma dwar il-barranin mhux konvinċenti

Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat jibqa’ kelliem fenomenali: konvinċenti, ċar u kredibbli. Minkejja dan hemm kwistjonijiet, u dawn qed jiżdiedu, fejn il-faxxinu tal-kliem mhux biżżejjed.

Tajjeb u veru li l-barranin qed jiġu pajjiżna “għax hawn ix-xogħol”. Hekk hu u Muscat għandu raġun. Imma dan ma jfissirx li wieħed jista’ jitfa’ fil-ġenb realtajiet lokalizzati dwar il-barranin f’pajjiżna. Huwa fatt li żdiedu n-nies u ċerti servizzi, inkluż xi minn daqqiet tas-saħħa mhumiex qed ilaħħqu, huwa fatt li ż-żieda fil-popolazzjoni qed twassal għal iffullar kbir (u allura inkonvjent) fuq it-trasport pubbliku, huwa fatt li d-domanda minn ħaddiema barranin, ħafna minnhom li għandhom kull dritt jaħdmu Malta, qed twassal għall-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kera. U din l-isplużjoni qed twassal biex Maltin jkunu sfurzati barra mill-post fejn qed jgħixu. Huwa fatt illi diversi impjegaturi qed iħaddmu lin-nies barranin f’impjiegi bħal tindif, catering u carers, delivery/ħwienet tal-merċa b’pagi baxxi, mingħajr dritt ta’ sħubija f’unjin u mingħajr benefiċċji bħal-leave, sick leave, sahra u aktar. Dan qed jiżvantaġġja bil-kbir lil ċerti ħaddiema Maltin, fatt li ma jista’ jmerih ħadd.

Jiġifieri tajjeb li l-PM Muscat jgħid li għandna nintegraw. Din il-gazzetta taqbel ma’ dan mija fil-mija. Imma bosta nies qed iħossu li dan id-diskors dwar integrazzjoni, filwaqt li pożittiv, qed jaljena mill-problemi li qed iħossu n-nies f’impjiegi li jħallsu inqas.

Track record li jimbuttah bil-qawwi

Joseph Muscat jibqa’ b’saħħtu ħafna f’dak li jirrigwarda track record ta’ miżuri fiskali li wettaq. Xi ħaġa li fil-fatt tagħtih spinta tajba.

Ilbieraħ semma l-pensjonanti u l-fatt li l-pensjoni żdiedet, trasport lejn l-iskejjel b’xejn, ħlas ta’ sahra lill-Pulizija, roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ħlas lil tal-Korpi u oħrajn. Dawn huma lkoll miżuri li qed joltqu sezzjonijiet żgħar/medji ta’ nies li flimkien jagħmlu sezzjoni kbira ta’ nies.

Ilbieraħ irrepeta; ‘dan il-Gvern jibgħatlek iċ-ċekkijiet. Il-Gvern ta’ qabel kien jibgħat il-kontijiet.’ Naturalment, anke jekk hemm min iħoss li dawn iċ-ċekkijiet huma insult jew sajda għall-voti, xorta jibqa’ fatt illi din taċ-ċekkijiet u l-kontijiet niżlet tajjeb u ssodat il-perċezzjoni li ‘dan tagħtik u l-ieħor kien jeħodlok.’

Għalkemm fl-aħħar xorta jinħass illi Muscat mar aħjar, kuntrarjament għall-predeċessur tiegħu, Delia kapaċi aktar jisfida lil Muscat fuq kwistjonijiet soċjali u ma jiffokax biss fuq il-korruzzjoni.

L-akkomodazzjoni soċjali, il-karozzi elettriċi u iktar ...

Minkejja s-saħħa tiegħu fil-qasam soċjali, meta jsemmi lill-gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti ma jkunx daqstant kredibbli. Issa ilu Prim Ministru sitt snin u għalkemm vera f’dan il-pajjiż kollox isir bil-mod, il-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali waqgħu bil-wisq lura.

Il-ġudizzju dwar l-akkomodazzjoni soċjali għad irid isir.

Muscat għal darb’oħra tkellem dwar il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u l-bżonn li bil-mod il-mod dawn jieħdu post dawk li qed jaħdmu bid-diesel u l-petrol. Naturalment, dan huwa għan nobbli u mit-track record tiegħu Muscat probabbilemt iwettaq dan l-għan. Huwa inkoerenti l-fatt illi sa ftit qabel il-kampanja kienu għadhom qed jgħaddu permessi biex jinbnew aktar pompi tal-petrol. Biss, biss f’erba’ minuti sewqan f’San Pawl il-Baħar issa hemm erba’ pompi tal-petrol. Huwa ta’ preġju għall-Gvern iżda illi wara diversi protesti dan se jkun qed iressaq politika dwar il-pompi tal-petrol.

Muscat kien b’saħħtu wkoll meta tkellem dwar ix-xogħol u finalment il-bżonn tal-għaqda, xi ħaġa li fl-2013/2017 iddistingwiet lil Muscat minn ma’ numru ta’ politiċi u persuni fil-midja jew assoċjati mal-Partit Nazzjonalista.  

Muscat jibqa’ avversarju b’saħħtu ħafna

Kollox ma’ kollox iżda Joseph Muscat jibqa’ avversarju b’saħħtu, minkejja sfidi fil-pajjiż. Jibqa’ avversarju popolari u wieħed li għandu kapaċitajiet ta’ kkampanjar eċċezzjonali.

Minkejja li kellu bidu kajman u kwiet l-aħħar dehriet ta’ Muscat kienu b’saħħithom ħafna.

Minkejja dan kollu iżda u wara d-dibattitu tal-bieraħ huwa ċar illi minkejja d-differenza fil-voti u vantaġġ qawwi favurih, f’Delia Muscat sab avversarju tajjeb fejn jidħol dibbattitu. Għalkemm fl-aħħar xorta jinħass illi Muscat mar aħjar, kuntrarjament għall-predeċessur tiegħu, Delia kapaċi aktar jisfida lil Muscat fuq kwistjonijiet soċjali u ma jiffokax biss fuq il-korruzzjoni.

Riċetta biex jirbaħ? Probabilment le, jew għallinqas probabilment le għalissa. Imma żgur li huwa bidu ta’ triq twila li se jkollu jterraq il-Partit Nazzjonalista.

More in Politika