Eks Imħallef se jeżamina wkoll il-laptops ta' Caruana Galizia

L-eks Imħallef Michael Mallia diġà qed jeżamina l-aħħar messaġġi li Caruana Galizia rċeviet fuq WhatsApp

Il-Qorti, li qed tisma' l-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tat il-permess biex l-eks Imħallef li qed jeżamina l-aħħar messaġġi li kienet irċeviet Daphne Caruana Galizia, se jkun jista’ jeżamina wkoll il-laptop ta’ Caruana Galizia għal theddid li setgħet irċeviet.

Madanakollu, il-Qorti ma laqgħetx it-talba biex ikun eżaminat is-sit kollu.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit saħqet li mhux neċessarju li s-sit ikun eżaminat ukoll, fosthom għax dan huwa pubbliku.

Kien l-avukat tad-Difiża William Cuschieri li talab biex ikunu eżaminati wkoll il-laptops tal-vittma u anke s-sit tagħha.

Ix-xahar li għadda, l-eks Imħallef Michael Mallia kien ġie appuntat biex jeżamina l-aħħar messaġġi li Caruana Galizia rċeviet fuq WhatsApp.

Il-Prosekuzzjoni ma qablet xejn mat-talba tad-Difiża, bl-Ispettur Keith Arnaud jisħaq li s-sit kellu fuqu eluf ta’ paġni li ħadd ma misshom wara l-qtil. Fost oħrajn, insista li din l-informazzjoni hija diġà pubblika.

Insista wkoll li l-Qorti ma għandha f'idha l-ebda laptops oħra apparti dawk li digà ġew esebiti fil-Qorti.

More in Politika