Delia jgħid li Muscat ma jimpurtahx mill-ħsara li qed issir lill-pajjiż għax hu se jitlaq

Adrian Delia jisħaq li għall-kuntrarju tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista ma għandux għalfejn jistħi mill-kapijiet tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jimpurtahx mill-ħsara li qed issir lill-pajjiż, għax hu se jitlaq.

Delia qal dan waqt attività politika fil-Mosta li matulha tkellem fit-tul dwar ir-rapport żvelat ilbieraħ tal-Kunsill tal-Ewropa li, skont kif ikkwotat, jitkellem dwar il-bżonn li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Malti jkun sottopost aktar għal sistema ta’ bilanċi u kontrolli.

Il-Kap Nazzzjonalista insista li wara r-rapport tal-Greco, tal-Moneyval u tal-Kummissjoni Ewropea, issa huma l-pajjiżi kollha tal-Ewropa, mhux dawk tal-Unjoni Ewropea biss, li qed jikkundannaw l-aġir tal-Gvern.

Saħaq li l-agħar ħaġa hija li l-Gvern ma jimpurtahx mill-ħażin u jibqa’ għaddej u jiskarta dawn ir-rapporti daqslikieku ma kienu xejn.

“Ara fiex ġabuna,” insista Delia waqt li saħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, illum isem Malta huwa mkasbar.

“Il-Prim Ministru li għandu l-poter u flok jużah biex iservi, qed juża dak il-poter biex jaħtaf aktar, biex jimmina l-istituzzjonijiet,” insista Delia waqt li kompla jikkwota.

'Flok jiddefendi t-tajjeb, jiddefendi lil ta madwaru'

Kien hawn li saħaq li l-istess Kunsill tal-Ewropa qed jgħid dak li ilu jgħid hu u l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li dak li qed jiġri f’Malta la huwa normali u lanqas ma huwa demokratiku.

“Dan qed jisimgħuh l-Ewropa kollha. Qed jisimgħuh l-investituri kollha,” insista l-Kap Nazzjonalista.

Kien hawn li kkritika lil Muscat u saħaq li l-Prim Ministru, minflok jiddefendi r-reputazzjoni tal-pajjiż, qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi lil dawk ta’ madwaru.

“Flok jiddefendi lit-tajjeb, jiddefendi lil tiegħu, jiddefendi lil dawk li qed iħammġu lill-pajjiżna,” kompla jinsisti.

Kien hawn li saħaq li l-ħsara la qed jagħmilha lilu u lanqas lil dawk ta’ madwaru iżda lil Maltin u l-Għawdxin kollha.

“Min jgħid il-verità mhuwiex negattiv. Min jagħmel il-ħsara huwa negattiv,” saħaq Delia.

'Aħna ma għandniex għalfejn nistħu mill-kapijiet tagħna'

Kien hawn li semma l-preduċessuri tiegħu u saħaq li jekk Muscat se jipprova jqabblu mal-kapijiet l-oħra tal-Partit Nazzjonalista, hu ma għandux minn xiex jistħi.

“Se jipprova jgħajjarni bil-preduċessuri tiegħu. Aħna ma għandniex minn xiex nistħu, mill-kapijijiet tal-Partit Nazzjonalista. Aħna dejjem kellna mexxejja serji li jagħmlu l-ġid lill-pajjiż, li jħobbu lill-pajjiżna. Mhux bħal tiegħek li sal-lum għadhom jgħajtu għajn għal għajn u sinna għal sinna,” qal Delia lil Muscat.

Delia jgħid li l-programm tal-Gvern għall-isport kitbu l-Partit Nazzjonalista

Tul id-diskors tiegħu, Adrian Delia tkellem dwar il-ħidma li jrid iwettaq il-Partit Nazzjonalista, anke fuq livell Ewropew mal-pensjonanti, mal-investituri, ma’ dawk li għandhom in-negozji tagħhom u anke mal-morda, u li fi kliem il-Kap Nazzjonalista mhux qed iħossu s-surplus.

Fakkar fil-proposti li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista fil-qasam tas-saħħa, għad-dijabetiċi, għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u oħrajn. Insista li dan joffri l-Partit Nazzjonalista, proposti konkreti biex itejjeb il-ħajja tan-nies u mhux kuntratti bħal dak tal-Vitals Global Healthcare.

Se jipprova jgħajjarni bil-preduċessuri tiegħu. Aħna ma għandniex minn xiex nistħu, mill-kapijijiet tal-Partit Nazzjonalista

Tenna l-appell tiegħu lill-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda u saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid li jkun magħhom u jrid li jsaħħaħ il-ħidma tagħhom

Tkellem dwar l-isport u rrefera għall-istrateġija li ħabbar ilbieraħ il-Gvern. Skont Delia, fil-paniku, il-Gvern sab il-miljuni biex jinvesti fl-isport iżda insista li sa ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bi 32 proposta għal dan is-settur.

“Lanqas kellu d-diċenzja jgħid li ktibnilu l-programm aħna,” kompla jisħaq waqt li tkellem ukoll fuq proposti oħra tal-Oppożizzjoni għall-ambjent u anke għall-anzjani.

Temm jisħaq li għall-kuntrarju ta’ Joseph Muscat mhux se jgħid lill-votanti li jridhom miegħu. Fi kliemu, hu jrid reputazzjoni tajba għall-pajjiż u li l-ħaddiem Malti jgawdi l-frott ta’ ħidmietu.

‘Joseph Muscat mhuwiex totalment kontra l-abort’ – Edwin Vassallo

Fil-bidu tal-attività tkellem id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li ma setax jonqos li jsemmi l-kwistjoni tal-abort.

Insista li la Jospeh Muscat irid diskussjoni serja dwar l-abort, allura mhuwiex totalment kontra l-abort, anke jekk il-Prim Ministru qed jinsisti bil-kontra.

Kien għalhekk li saħaq li l-vot ta’ nhar is-Sibt li ġej mhuwiex bejn Joseph Muscat u Adrian Delia imma hu vot għall-valuri li jagħmlu lill-Maltin dak li huma.

‘Nitlob skuża lill-kaċċaturi u lin-nassaba...nqasnikom’ – Frank Psaila

Tkellem ukoll il-kandidat Frank Psaila li spjega l-prijoritajiet tal-ħidma tiegħu jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew.

Fost oħrajn qal li sa dalgħodu ltaqa’ mal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u n-Nassaba u qal li mingħajr ma jwiegħed xejn lil ħadd, se jaħdem biex jassigura li dak li jgawdu l-kaċċaturi u n-nassaba fil-pajjiżi l-oħra Ewropej, igawduh ukoll dawk f’Malta.

Talab ukoll skuża lill-kaċċaturi u n-nassaba, għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista naqashom ukoll. Kif għamel fl-interventi kollha matul din il-kampanja, talab skuża lil dawk in-Nazzjonalisti mweġġa’.

“L-iżball kien tagħna,” saħaq Psaila.

Waqt din l-attività tkellmu wkoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u Roberta Metsola.

More in Politika