Repubblika: 'Preokuppanti imma mhux sorprendenti li l-Gvern gideb fuq il-fatti'

Repubblika tisħaq li kulħadd għandu dritt jagħti interpretazzjoni ta' x'qalet il-Qorti, iżda dan "ma jagħtix lill-Gvern id-dirtt li jigdeb"

F'reazzjoni għal dak li qal il-Gvern wara d-deċiżjoni tal-Qorti dalgħodu fir-rigward ta' ħatriet fil-Ġudikatura Repubbila qalet illi hija 'preokuppanti imma mhux sorprendenti li l-Gvern gideb fuq il-fatti'. 

Fi stqarrija Repubblika sostniet illi l-ewwelnett, "il-kawża fil-Qorti tal-lum ma kinitx ta’ Simon Busuttil u Jason Azzopardi" kif fil-fatt bdiet l-istqarrija tal-Gvern. "Din hi kawża bejn il-Gvern fuq naħa waħda u Repubblika – organizzazzjoni reġistrata skond il-liġi bħala korp tas-soċjetà ċivili – fuq in-naħa l-oħra. Il-Gvern irid jinjora l-eżistenza tas-soċjetà ċivili u tad-dritt tagħna li nikkontestaw id-deċiżjonijiet tiegħu. Iżda kif iddeċidiet il-Qorti llum, dan id-dritt hu sanċit fil-liġi u hu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum li l-każ li għamilna jkompli jinstema’," qalet l-istqarrija ta' Repubblika. 

L-għaqda kompliet tgħid illi t-tieni, "hi gidba li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Repubblika li ssir riferenza għal preliminary ruling lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Anzi l-Qorti espressament qalet li mhix qed tieħu deċiżjoni fuq din il-kwistjoni għalissa u se tħalli li jinstemgħu aktar provi fil-kawża."

Repubblika qalet illi filwaqt li m'hemmx "dubju li kull parti f’xi kwistjoni se jkollha l-interpretazzjoni tagħha ta’ xi tkun qalet il-Qorti. Iżda dan ma jagħtix dritt lill-Gvern li jigdeb fuq il-fatti."

More in Politika