'Il-ġurnalisti għandhom ikunu protetti u jkollhom aċċess għall-informazzjoni'

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li jekk l-awtoritajiet jaħbu mill-ġurnalisti jkunu qed jaħbu wkoll lin-nies 

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jisħaq dwar l-importanza li l-ġurnalisti investigattivi jingħataw il-protezzjoni u biex il-ġurnalisti, anke f’Malta jkollhom aktar aċċess għall-informazzjoni.

L-Ewroparlamentari u l-Kandidat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech fakkar dwar il-ħidma tiegħu fuq livell Ewropew biex il-whistleblowers ikollhom aktar protezzjoni iżda insista li l-istess protezzjoni għandha tingħata lill-ġurnalisti investigattivi, għax fi kliemu, dan qed iwassal dik l-informazzjoni li l-poplu għandu dritt li jkun jaf.

Tkellem ukoll dwar il-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u insista li l-Partit Popolari Ewropew laqa’ l-proposta tiegħu u qiegħed iwiegħed li jaħdem fuq mekkaniżmi li jiġġieldu t-tixrid ta’ dawn l-aħbarijiet qarrieqa.

Insista li d-dritt taċ-ċittadin li jkollu l-informazzjoni hija marbuta mal-libertà tal-espressjoni.

“It-teħid tad-deċiżjonijiet jirrikjedi li ma jkunx mgħobbi b’dak li ma jkunx veru,” insista Zammit Dimech.

'Jekk naħbu mill-ġurnalisti nkunu qed naħbu wkoll lin-nies'

Min-naħa tagħha, il-kandidata għall-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight tkellem dwar l-importanza li l-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw ambjent ‘media friendly,’ fejn il-ġurnalisti jkollhom aċċess effettiv għall-informazzjoni.

Insistiet li minkejja li jeżisti Att li permezz tiegħu l-ġurnalisiti jistgħu jitolbu rapporti biex janalizzaw, nofs it-talbiet li saru ġew miċħuda.

“Jekk naħbu mill-ġurnalisti nkunu qed naħbu wkoll lin-nies,” saħqet Borg Knight.

'Hemm bżonn ninvestu aktar fil-ġurnaliżmu'

Tkellem ukoll il-kandida Dione Borg li insista li l-ġurnaliżmu f’Malta għaddej minn diffikultajiet, fejn ftit huma dawk iż-żgħażagħ li qed iħarsu lejn il-ġurnaliżmu bħala karriera personali.

Kien għalhekk li appella lill-istat biex jinvesti fil-ġurnaliżmu, partikolarment dak stampat.

Temm jirreferi wkoll għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u saħaq li jittama li l-pajjiż ma jerġax jgħaddi minn każ simili.

 

More in Politika