'Il-Kunsill tal-Ewropa qed jgħid li Malta hija theddida għall-Ewropa' - Delia

Delia jikkwota minn rapport u jgħid li Malta saret il-parti vulnerabbli tal-Ewropa minn fejn jista' jidħol l-inkwiet

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-aħħar minn sensiela ta’ rapporti ppubblikati madwar l-Ewropa dwar Malta, jiġifieri dak tal-Kunsill tal-Ewropa, qiegħed jirrefera għal Malta bħala t-theddida għall-Ewropa.

Delia qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fin-Nadur, waqt li insista li l-Kunsill tal-Ewropa mhijiex isitituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, iżda fiha hemm membri pajjiżi li għadhom sal-lum mhux Stati Membri, tant li Malta kienet diġà membru fih qabel l-2004.

Kien is-sit Times of Malta li llum ippubblika dettalji minn dan ir-rapport abbozz dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li sa issa għadu mhux pubbliku.

Delia kkwota partijiet minn dan ir-rapport, skont kif ikkwotati mit-Times of Malta, fosthom parti li twissi li d-dgħjufijiet f’Malta jistgħu jkunu ta’ vulnerabbilità għall-Ewropa u dan għax fakkret li ċ-ċittadinanza Maltija hija ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea li visa Maltija hija visa taż-żona Schengen u għax il-banek Maltin jagħtu aċċess għas-sistema bankarja Ewropea.

“Sirna l-parti vulnerabbli tal-Ewropea minn fejn jista’ jidħol l-inkwiet,” insista l-Kap Nazzjonalista.

Insista li dan ir-rapport jikkundanna direttament lill-Gvern ta’ Joseph Muscat għax jitkellem ukoll dwar “kultura ta’ impunità” f’Malta, partikolarment minħabba nuqqas ta’ passi kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Kien għalhekk li Delia tenna l-appell tiegħu li fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej, il-poplu jista’ jibgħat messaġġ ċar lill-Gvern.

'Taħt dan il-Gvern, Għawdex huwa mifni bil-piki'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fit-tul dwar Għawdex u waqt li qal għal aktar minn darba li l-Gvern ma jimpurtahx minn Għawdex, saħaq li taħt il-Gvern Laburista, “Għawdex huwa mifni bil-piki bejn dawk li kienu qabel u dawk li hawn bħalissa,” b’referenza indiretta għan-nies tal-eks Ministru Anton Refalo u għal dawk tal-Ministru preżenti Justyne Caruana.

“X’differenza minn Gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu lil Għawdex ġojjel fil-Mediterran,” saħaq Delia waqt li fakkar li fl-aħħar Baġit, il-Gvern mhux talli sab post għal-linja waħda biss fuq Għawdex talli lanqas semma allokazzjoni speċifika għall-gżira.

Delia kompla jisħaq li meta tkellem mad-Deputat u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Chris Said, dan tah lista sħiħa ta’ wiegħdi li l-Gvern wiegħed u li ma wettaqx f’Għawdex.

Fost oħrajn semma s-servizz tal-fast ferry u inista li dan jinsab imweħħel għax bħal kull tender li ħareġ il-Gvern, kien mifni bil-konfużjoni.

Irrefera għar-raba’ vapur tal-Gozo Channel u insista kif il-Gvern dar id-dinja kollha u sab il-vapur lejlet l-elezzjoni.

Madanakollu insista li kien qed jistenna lill-Gvern li jsib vapur li ma jniġġisx u mhux vapur antik aktar mill-aktar vapur antik tal-Gozo Channel u li suppost il-Gvern beda jaħseb biex ibiddel.

'Irridu li d-deċiżjonijiet dwar Għawdex joħduhom l-Għawdxin stess'

Qal ukoll li fl-aħħar ġimgħat dar il-lokalitajiet kollha f’Għawdex u ra l-kunsilli mneżża’ mill-fondi.

Insista li l-wiegħda li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hija li d-deċiżjonijiet f’Għawdex joħduhom l-Għawdxin stess.

Tkellem ukoll dwar il-pagi tal-Għawdxin u saħaq li l-ħaddiema Maltin ma jistgħux jibqgħu jaqilgħu €2,300 fis-sena inqas mill-ħaddiema Maltin.

“Irridu noħolqu mhux bil-paroli, imma bil-fatti, riġenerazzjoni ta’ gżira li qed tmut u li qed tixjieħ,” temm jgħid Delia.

‘Il-Partit Laburista għafas il-buttuna tal-paniku f’Għawdex’ – Chris Said

Tul l-intervent tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said saħaq li l-Partit Laburista għafas il-buttuna tal-paniku f’Għawdex.

Saħaq li l-Gvern għamel dan sa dalgħodu stess meta qal li s-servizz tal-ħelikopter bejn Għawdex u Malta jinsab fil-viċin, iżda l-Gvern għadu ħareġ biss is-sejħiet ta’ interess.

Tkellem dwar ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel u fakkar li dan għandu 32 sena.

“Dan huwa vapur tas-second hand, tas-second hand u tas-second hand,” insista Said waqt li fakkar li ħadd għadu ma jaf b’kemm se jkun qed jinkera dan il-vapur.

“X’differenza mill-Partit Nazzjonalista! Gvern Nazzjonalista bena tliet vapuri ġodda. Bena t-terminus taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr u bena t-toroq li jwasslu għall-Imġarr u għaċ-Ċirkewwa,” kompla jisħaq.

Ikkritika wkoll il-fatt li dan il-vapur se jkun qed jinkera bl-ekwipaġġ ukoll u insista li dan ifisser “sfiduċja” fil-ħaddiema Għawdxin u dawk tal-Gozo Channel.

“Fil-25 ta’ Mejju se nivvotaw bis-saħħa ta’ Eddie Fenech Adami li waqqaf il-kunsilli lokali. Bħalissa l-Gvern għadu qed juża l-fondi Ewropej li ġab Lawrence Gonzi,” insista Said waqt li saħaq li minn dawn ma ntuża xejn biex jiġu rranġati t-toroq f’Għawdex.

Kien għalhekk li temm jappella lill-votanti kollha biex nhar is-Sibt jibgħatu messaġġ lill-Gvern u juru li l-Partit Nazzjonalista reġa’ beda jirkupra u jista’ jibda t-triq biex jerġa’ jirbaħ il-maġġoranza.

‘L-Għawdxin għandhom bżonn MEP li jagħti prijorità lill-Għawdex’

Tul l-istess attività tkellem wkoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini li tkellem dwar l-importanza li Għawdex ikollu Membru Parlamentari Ewropew li jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-bżonnijiet ta’ Għawdex.

Insista li Għawdex għandu l-bżonnijiet speċjali tiegħu għandu bżonn politika differenti minn Malta. Għalhekk saħaq li Għawdex għandu bżonn MEP li jiffoka fuqu.

Tkellem, fost oħrajn dwar l-importanza li Għawdex ikun meqjus bħal Gżira Reġjun fil-Kostituzzjoni, li jkollu Kunsill Reġjonali maħtur direttament mill-Għawdxin li jkun jista’ japplika għal fondi Ewropew direttament għal Għawdex.

Tul l-attività tkellmu wkoll il-kandidati Dione Borg u Michael Briguglio

More in Politika