'Kieku għaddiet tal-PN illum il-poplu qed iħallas kontijiet għoljin infern' - Muscat

Joseph Muscat jgħid li l-PN dejjem ostakola t-triq biex il-Gvern li jmexxi jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-folla li nġabret biex issegwi lil Joseph Muscat fiż-Żejtun
Il-folla li nġabret biex issegwi lil Joseph Muscat fiż-Żejtun

Meta kien qed jitkellem fiż-Żejtun ilejla l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal illi dwar ir-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-Partit Nazzjonalista għamel "ostaklu u gambetta wara oħra u kieku għaddiet tiegħu l-poplu għadu qed iħallas kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin infern." 

Sostna li sa' seba' snin ilu l-priorità tal-poplu ma kinitx il-kwalità tal-arja u l-kwalità tal-ħajja, imma x-xogħol u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Saħaq illi kumbinazzjoni illum ħarġet statistika tal-Kummissjoni Ewropea dwar f'liema pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm l-ogħla kontijiet. Issa, ikompli jgħid, għandna konferma li l-Maltin qed iħallsu r-raba' l-irħas kontijiet tad-dawl u l-ilma. "Kienu jmorru fuq in-nies qabel u surchrge l-hawn u surcharge l-hemm ...  kull deċiżjoni li ħadna aħna biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ħaddieħor ma appoġjahiex."

Muscat qal illi dan kollu juri kif l-akbar preġju ta' dan il-Gvern huwa li dan jibqa' Gvern viċin in-nies u man-nies, "li jifhem il-bżonnijiet tal-pensjonanti, nisa u rġiel, pensjonanti, żgħażagħ, studenti."

"Is-surplus għand in-nies qiegħed għand il-pensjonanti, għand dawk li qed jieħdu l-flus lura fil-VAT li ħallsu fuq il-karozzi ..." qal Muscat għall-approvazzjoni ta' dawk li kienu quddiemu,. 

Għamel referenza għall-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport li ħabbar iktar kmieni illum u qal illi l-għan huwa li Malta tkun suċċess fil-qasam sportiv ukoll. Saħaq illi affarijiet bħal dawn jistgħu jsiru "għax il-pajjiż sejjer tajjeb...mimli bil-kuraġġ għax naf fejn sejrin bħala pajjiż."

Dwar il-PN il-PM u Mexxej Laburista qal illi dan ma' fehem xejn mill-iżbalji tal-passat u għalhekk ħeġġeġ lil dawk preżenti biex nhar is-Sibt li ġej joħorġu jivvutaw. 

More in Politika