Beda l-bini ta' 73 appartament affordabbli f'Birkirkara

Dan il-proġett qed isir fl-inħawi Tas-Sisla bejn Triq il-Qanpiena u Triq Mons Ġużeppi Camilleri

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żaru l-proġett ta’ housing ġdid li qed isir f’Tas-Sisla f’Birkirkara fejn qed jinbnew 73 appartament maqsumin f’sitt blokok.

Il-proġett li jinsab bejn Triq il-Qanpiena u Triq Mons Ġużeppi Camilleri jinkludi wkoll 56 spazju ta’ parkeġġ u 400 metru kwadru spazju miftuħ mifrux mal-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega kif fl-aħħar ta’ Jannar beda l-proċess tax-xogħol tal-ġebla fejn fil-preżent għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel livell tal-proġett.

Roderick Galdes spjega li f’dawn il-jiem bdew telgħin il-ħitan tal-garaxxijiet u jitqiegħdu l-ewwel soqfa.

“Dawn huma appartamenti għal dawk il-familji li jeħtieġu l-għajnuna tal-gvern iżda għall-Oppożizzjoni huma kastelli fl-arja. Faċli tkun negattiv, minflok aħna qed inwettqu l-pjan ħolistiku li għandna għas-settur tal-housing f’pajjiżna. Qed nitkellmu fuq 1,700 unit li qed nibnu gradwalment mal-pajjiż kollu,” saħaq Galdes.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega li Projects Plus għandha rwol mill-aktar importanti hekk kif qed toffri servizzi ta’ konsulenza fejn jidħlu l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Faħħar numru ta’ proġetti li qed isiru biex aktar Maltin ikunu jistgħu jinvestu f’akkomodazzjoni bħall-iskema mnedija lbieraħ għall-persuni li għandhom aktar minn 40 sena.

More in Politika