Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Il-PN itella' l-aħħar billboards tal-kampanja ... inqas emozzjoni, aktar rilevanza

Il-PN qed jiffoka fuq il-kandidati u mhux fuq il-Kap fl-aħħar billboard tal-kampanja ...

Albert Gauci Cunningham / 21 ta' Mejju 2019 15:55
Ilbieraħ kien żvelat l-aħħar billboard tal-Partit Laburista bil-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat jkun fiċ-ċentru jappella biex ningħaqdu miegħu. Illum qed jibdew jitilgħu l-aħħar billboards tal-Partit Nazzjonalista li ma jistgħux ikunu aktar differenti minn dawk tal-Labour, speċjalment fil-messaġġ. 

Fil-fatt il-PN qed jitfa' ħarstu u jiffoka l-aktar fuq il-kandidati tiegħu għal din l-elezzjoni b'kull kandidat ikollu billboard riżervat għalih b'messaġġ li huwa differenti.

Peter Agius, li ħadem qatigħ mal-bdiewa u r-raħħala f'din il-kampanja għandu messaġġ f'dan is-sens; 'Nipproduċu aħjar'. Il-Membru Parlamentari Ewropew kurrenti u kandidata Roberta Metsola għandha messaġġ dwar il-governanza u l-mod kif il-pajjiżi tal-UE iħarsu lejn pajjiżna. Dak ta' Metsola jgħid 'Reputazzjoni Tajba', punt li fil-fatt il-PN ilu jitkellem dwaru fl-aħħar snin. 

Frank Psaila li l-aħħar sondaġġi juru illi jinsab wara Metsola u li għadu qed jiġġieled għat-tieni siġġu, għandu ħdejn wiċċu l-messaġġ kontra l-abort, kwistjoni prinċipali fil-kampanja tal-PN għal din l-elezzjoni. 

Il-messaġġ fuq il-billboard illi fuqu hemm proġettat Francis Zammit Dimech qed jgħid 'soċjetà li jimpurtaha', bil-kandidat jidher li qiegħed fi sptar jew klinika, bħala riflessjoni tal-fatt illi l-PN għamel numru ta' proposti fil-qasam tal-kanċer u d-dijabete. 

Michael Briguglio, eks attivist tas-Civil Society Network u eks Kandidat tal-Alternattiva Demokratika, għandu messaġġ dwar l-ambjent: 'Ambjent nadif'. Dan filwaqt illi l-messaġġ maġenb Dione Borg huwa dwar is-sigurtà, xi ħaġa li fil-fatt tkellem dwarha Borg u dak maġenb David Casa huwa dwar il-ħin mal-familja. Forsi huma bosta dawk li nsew illi Casa, apparti li skont ħafna 'jxewwex', fil-bidu ta' din is-sena mexxa b'suċċess direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, xi ħaġa li tispjega l-messaġġ tal-billboard: 'Bilanċ bejn xogħol u ħajja."

Michael Merciecca għandu messaġġ dwar in-negozjanti ż-żgħar li l-PN jgħid illi l-Gvern nesa filwaqt li l-billboard b'David Stellini fuqu jitkellem dwar il-bżonn ta' kwalità tajba tal-ħajja.

Finalment il-kandidata l-ġdida Roselyn Borg Knight, li l-messaġġ tal-billboard tagħha jirreferi wkoll għal dak li l-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jinsisti dwaru, jiġifieri li l-Gvern hemm bżonn ifassal il-futur, bi pjan li jħares fit-tul.

Inqas emozzjoni, imma aktar rilevanti

Dan allura jimmarka differenza fl-aħħar messaġġ tal-partiti, minn wieħed li huwa kważi kompletament iċċentrat fuq il-mexxej għal wieħed li jmur lilhinn mill-kap u jħalli l-ispazju għal dawk li se jirrapreżentawna fi Brussell. 

Fil-verità l-messaġġ tal-PN mhux qed jappella għall-emozzjoni daqs tal-Labour, imma huwa iktar rilevanti għax wara l-25 ta' Mejju mhuwiex Joseph Muscat li se jkun fil-Parlament Ewropew, imma sitt MEPs, tnejn jew tlieta minnhom tal-PN. 

Il-PL għalhekk qed jiġġieled din il-kampanja daqslikieku kienet waħda ġenerali, għax hekk jaqbel biex jiġġieled l-apatija li jista' hemm fost sezzjoni ta' Laburisti, speċjalment dawk mhux akkaniti. Minn naħa l-oħra, konxji tal-fatt illi Delia m'għandux l-apppoġġ ta' sezzjoni ta' Nazzjonalisti, il-PN qed jimbutta lill-kandidati, biex dawk li ma jridux lil Delia xorta jħossuhom komdi jivvutaw lil Metsola u Casa, per eżempju, għax jaraw lil dawn it-tnejn bħala persuni li jirrapreżentaw ħafna dak illi jemmnu fih huma. 

 

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook