€10 miljun mill-Programm taċ-Ċittadinanza għal proġetti fil-qasam tal-kura primarja

Minn dawn il-fondi se jgawdu tmien ċentri tas-saħħa u 54 berġa

Il-Prim Minstru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne attendew għal l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF) u d-Dipartiment tal-Kura Primarja (PHC) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa li permezz tiegħu €10 miljun se jgħaddu biex jintużaw fuq tmien ċentri tas-saħħa u 54 berġa.

Fost iċ-ċentri tas-saħħa li se jibbenefikaw minn din l-għotja hemm dak tal-Gżira li fuqu se jintefqu madwar €1.5 miljun f’xogħlijiet ta’ rinovazzjoni, liema xogħol mistenni jieħu madwar disa’ xhur minn meta jkun iffirmat il-kuntratt.

Dan iċ-ċentru jkopri servizzi mediċi għal għaxar lokalitajiet tal-madwar b’populazzjoni ta’ madwar 72,000. Il-lokalitajiet huma l-Gżira, l-Imsida, Pembroke, San Ġwann, il-Kappara, Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, Tal-Ibraġġ u Ta’ Xbiex.

Minnu jingħataw 26 servizz mediku multidixxiplinarju u hu kkalkulat li kull sena jsiru 125,000 żjara minn ċittadini ta’ dawn il-lokalitajiet.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li filwaqt li sar ħafna, għax hemm sfidi x’jingħelbu u qal li għalhekk fakkar li l-Gvern kull sena qiegħed iżid il-baġit għall-qasam tas-saħħa.

Nistgħu nkomplu ninvestu għax pajjiżna llum jiflaħ finanzjarjament b’riżultat ta’ deċiżjonijiet sodi li ħadna, fosthom il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li qed jirrendi fondi li nistgħu nużawhom għal proġetti speċifiċi bħal dan tal-lum u li jkopri tmien ċentri tas-saħħa u 54 berġa,” insista l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-kura primarja fil-komunità u jħoss li kienet deċiżjoni żbaljata min-naħa ta’ amministrazzjoni differenti li filwaqt li kkonċentrat fuq l-Isptar Mater Dei ħalliet fil-ġenb il-qasam tal-kura primarja fil-komunità.

“Kien għalhekk li tajna spinta qawwija lil dan il-qasam. Għaddejjin bi programm estensiv ta’ ħidma fuq tmien ċentri tas-saħħa u fuq il-bereġ tas-saħħa filwaqt li imbarkajna fuq proġett flimkien mat-tobba tal-familja li permezz tiegħu jkun hemm aċċess għall-istess tobba li jiggarantixxi kontinwità fil-proċess tal-kura tal-pazjent,” insista Fearne.

Irrefera wkoll għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment bħala deċiżjoni għaqlija li qed tirrendi fondi li jkunu jistgħu jintużaw għal proġetti bħal dak li dwaru kien qed jiġi ffirmat ftehim u li se jwassal biex ikompli jissaħħaħ il-qasam tas-saħħa fil-pajjiż.

More in Politika