Il-Gvern iniedi sejħa għall-proposti għal servizz ta’ ħelikopter bejn Għawdex u Malta

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li apparti konnettività aħjar, dan is-servizz se jassigura servizz bejn Malta u Għawdex f’każ ta’ emerġenza

Il-kumpanija tal-gvern Malta Air Travel Ltd (Malta Medair) nediet sejħa pubblika għall-proposti sabiex jingħażel operatur li jipprovdi servizz ta’ ħelikopter bħala air link bejn Għawdex u Malta.

L-introduzzjoni ta’ dan is-servizz kienet tħabbret mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana aktar kmieni din is-sena waqt żjara fil-Heliport ta’ Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq li dan is-servizz se jkollu numru ta’ benefiċċji fosthom:

• Konnettività aħjar internazzjonalment kemm għall-Għawdxin u anke għall-barranin;

• Konnettività għal skopijiet ta’ turiżmu; u

• Li jassigura s-servizz bejn Malta u Għawdex f’każ ta’ emerġenza.

“Il-viżjoni tagħna għal dan hu li nqarrbu liż-żewġ gżejjer dejjem aktar lejn xulxin u li dan ikun servizz ieħor ta’ konnettività alternattiva li tieħdok direttament u fi ftit minuti mill-Ħeliport ta’ Għawdex għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta,” spjega l-Ministru Mizzi.

Min-naħa tagħħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li saru studji neċessarji biex jiġi identifikat il-mudell ekonomiku l-aktar adattat biex jingħata dan is-servizz.

Semmiet li dan is-servizz se jingħata bi skeda biex verament jingħata l-aħjar servizz possibbli lil kull min se jagħmel użu minn dan is-servizz.

More in Politika