Il-Gvern iniedi l-iskema biex jgħin persuni ddivorzjati u sseparati biex jixtru darhom

Għal din l-iskema se jkunu jistgħu japplikaw persuni li għandhom 'il fuq minn 40 sena

Dalgħodu, il-Gvern nieda l-iskema mħabbra fil-Baġit, magħrufa bħala Equity Sharing li l-għan tagħha huwa li tgħin lil dawk li għandhom 40 sena jew fuqhom u li qed isibuha diffiċli biex jixtru dar fejn joqogħdu.

L-iskema tħabbret dalgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes li spjega kif dawk eliġibbli għal din l-iskema, se jkunu jistgħu jħallsu nofs il-prezz tal-propjetà bl-assi u b’self mal-bank APS, filwaqt li n-nofs l-ieħor tkoprih l-Awtorità tad-Djar.

It-tir huwa li fuq perjodu ta’ 20 sena, min jixtri jkun jista’ jħallas lill-Awtorità tad-Djar bl-istess prezz li tkun xtratu hi.

Jekk ma jasalx li jagħmel dan, dan in-nofs ikunu jistgħu jħallsuh l-eredi. Jekk la s-sidien u lanqas l-eredi ma jaslu biex ikopru l-prezz, il-proprjetà tibqa' tal-Gvern, u l-prezz jinbidel f'kera li xorta waħda tkun affordabbli.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif is-sidien se jkunu jridu jidħlu fir-residenza fi żmien 6 xhur meta jsir il-kuntratt tal-bejgħ jew fi żmien sentejn f’każ li l-propjetà tinxtara ġebel u saqaf.

Biex persuna tkun eliġibbli, il-proprjetà ma tridx tkun taqbeż il-€200,000, u sservi ta’ residenza għall-applikant, li minn naħa tiegħu jrid iħallas minimu ta’ 10% tal-valur.

 

Min-naħa tiegħu, Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li permezz ta’ din l-iskema, il-Gvenrn se jkun qed iżid l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli għal dawk li jsibu ruħhom f’realtajiet partikolari, partikolarment koppji li ddivorzjaw jew isseparaw u li m’għandhomx mezzi biżżejjed għax-xiri ta’ proprjetà oħra.

Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u Anthony Buttigieg, mill-bank APS

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://family.gov.mt/pssa/Pages/Welcome.aspx, jew inkella jirrikorri l-Awtoritá tad-Djar fil-Furjana, jew l-eqreb fergħa tal-APS.

More in Politika