Mill-ambjent, sal-ħaddiema u l-immigranti: x’qed jgħidu l-Manifesti Ewropej (2)

L-ILLUM tkompli tħares lejn il-manifesti Ewropej. Din il-ġimgħa tara x'qed iwiegħed il-EPP u l-Partit tal-Ħodor

L-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju mhix se ssir Malta biss imma f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Lil hinn minn Muscat u Delia, x’qed jipproponu l-gruppi politiċi Ewropej?

X’qed jgħidu fuq l-abort? Dwar is-sistema ta’ tassazzjoni? Dwar il-ħaddiema?

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-Manifesti Ewropej fit-tieni artiklu f’serje ta’ żewġ artikli f’dan ir-rigward. (Ara hawnhekk l-ewwel parti dwar il-manifesti tas-Soċjalisti u l-ALDE)

Il-Partit Popolari Ewropew

Il-Partit Popolari Ewropew (EPP) huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. L-EPP huwa partit politiku b’ideoloġija politika ċentru lemini u jiġbor fih aktar minn 70 partit nazzjonali. L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Maltin jagħmlu parti minn dan il-grupp. Għall-elezzjonijiet li ġejjin huma qegħdin jipproponu lill-Kap attwali tagħhom, Manfred Weber bħala kandidat għall-President tal-Parlament Ewropew. Imma l-EPP x’qed jipproponi?

It-Taxxa: il-manifest tal-EPP jagħmilha ċara illi l-korporazzjonijiet il-kbar m'għandhomx jibqgħu jitħallew jieħdu vantaġġ minn lakuni fis-sistemi ta’ tassazzjoni u għalhekk qed jipproponu ‘taxxa diġitali’ bl-għan li dawn il-kumpaniji jagħtu l-parti tagħhom. Kwistjonijiet rigward taxxa ta’ din in-natura sikwit qajmu diskussjoni taħraq fl-UE. Tant hu hekk li sentejn ilu l-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-Irlanda għandha tiġbor €13-il biljun f’taxxi li ma tħallsux mill-kumpanija Apple. Hekk kif wara tliet snin ta’ investigazzjonijiet, il-KE kkonfermat li l-benefiċċji tat-taxxa ta’ Apple kienu illegali.

Fuq is-sistemi ta’ tassazzjoni fil-pajjiżi membri tal-UE, kwistjoni li tista’ u tgħid pertinenti ħafna għall-Malta, l-EPP qed jipproponi li jelimina l-prattiċi ta’ evażjoni tat-taxxa u tax havens.

Saħħa leġiżlattiva għall-Parlament Ewropew

Fil-manifest tagħhom l-EPP qed jindirizza waħda mil-limitazzjonijiet tal-istess Parlament Ewropew (PE), billi jipproponi li l-PE jingħata d-dritt li jdaħħal leġislazzjonijiet bħalma prattikament jagħmel kull Gvern Ċentrali. Skont l-istess manifest, din il-proposta se tagħti aktar setgħa liċ-ċittadini Ewropew u ssaħħaħ id-demokrazija parlamentari.

Marshall Plan għall-Afrika

Manfred Weber, il-kandidat tal-EPP għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea
Manfred Weber, il-kandidat tal-EPP għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

Fuq l-immigrazzjoni, l-EPP qed jipproponi ż-żieda ta’ 10,000 uffiċjal tas-sigurtà ġdid fil-fruntieri Ewropej u l-Gwardja Kostali u li jkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija fosthom bid-drones.

 Apparti minn hekk, huma qed iwiegħdu li jiġu stabbiliti relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq bl-għan li jiġu evitati l-vjaġġi perikolużi tal-immigranti li jitilqu minn din il-parti tal-Afrika. Fuq nota simili, l-EPP qed jipproponi li jiġi mfassal Marshall Plan għall-Afrika li se jkun qed jiġġenera investiment kbir mis-settur privat fil-pajjiżi tal-Afrika.

Ġlieda kontra t-terroriżmu

Fil-manifest tiegħu l-EPP tkellem ukoll fid-dettall fuq il-problema tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. F’dan ir-rigward l-EPP qed jagħmel diversi proposti fosthom li jiġu marbuta flimkien is-sistemi ta’ intelliġenza tal-Istati Membri. Huwa qed jipproponi wkoll li jkunu imposti membri tas-sigurtà pajżana fil-fruntieri biex jgħassu l-movimenti suspettużi kriminali u t-terroristiċi

L-EPP iwiegħed li jissalvagwardja t-twemmin Kristjan

Filwaqt li fil-manifest tiegħu l-EPP qiegħed jirrikonoxxi fit-totalità tagħha d-diversità Ewropea, huwa qiegħed iwiegħed li jipproteġi l-istil ta’ ħajja Ewropea billi jissalvagwardja l-valuri u l-morali Nsara. Fl-istess waqt huma qegħdin iwiegħdu li se jiġġieldu l-intolleranza, l-anti-semitiżmu u kull forma ta’ razziżmu.

Il-Ħodor/ Alleanza Ħielsa Ewropea

Il-Partit tal-Ħodor u l-Alleanza Ħielsa Ewropea (Greens/ EFA), kellu 51 MEP fil-leġiżlatura li għadha kemm spiċċat. Għall-elezzjonijiet li ġejjin huma qegħdin jipproponu lil Ska Keller u Bas Eickhout bħala kandidati għall-President tal-Parlament Ewropew. Jekk l-Alternattiva Demokratika jirnexxilu jtella’ MEP dan jingħaqad mal-grupp politiku tal-Greens/EFA. Imma x’qegħdin jipproponu? Hawnhekk nagħtu ħarsa lejn ftit mill-proposti.

It-taxxa: il-Ħodor/EFA qed jipproponi li jagħlaq il-lakuni legali li jippermettu l-evażjoni tat-taxxa filwaqt li qed jisħaq fuq armonizzazzjoni ta’ taxxa bl-għan li tiġi eliminata kompetizzjoni dwar it-taxxa bejn l-istati membri. Il-Ħodor/ EFA għamluha ċara wkoll li jridu jeliminaw pajjiżi li joperaw bħala tax havens barra u ġewwa l-UE.

Fl-istess waqt huwa qed jappella għat-titjib tar-regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-tisħiħ tas-setgħat ta’ investigazzjoni Ewropej.

Ħafna pajjiżi fl-UE għandhom servizzi atroċi, inkluż għall-abort

Fuq l-abort, il-Ħodor/EFA huma totalment favur. Huma saħansitra jgħidu li diversi pajjiżi fl-UE għandhom servizz atroċi għad-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom. Huma jisħqu li jridu jiggarantixxu aċċess bla ħlas u ta’ kwalità tajba għal diversi servizzi ta’ dan it-tip fosthom, għall-abort. Fuq din tal-aħħar huma jgħidu li l-abort huwa dritt tal-mara li jrid jiġi msaħħaħ speċjalment f’pajjiżi fejn hu limitat. Malta huwa l-unika pajjiż fl-UE fejn l-abort huwa illegali.

Ska Keller, waħda mill-kandidati tal-Ħodor għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea
Ska Keller, waħda mill-kandidati tal-Ħodor għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

Ekonomija ċirkulari

Fil-manifest tagħhom l-Greens/EFA qegħdin jisħqu fuq il-bżonn ta’ bidla radikali fil-mudell ekonomiku tal-blokk Ewropew. Huma qed jgħidu li l-mudell attwali; dak li naħsdu r-riżorsa naturali, nużawha u narmuha, irid jinbidel u minflok jidħol fis-seħħ mudell ekonomiku li jillimita l-użu tar-riżorsa naturali u li jkun ibbażat fuq aktar ħsieb u għaqal. Fuq nota simili huma qegħdin jipproponu li stabbilimenti tal-ikel jitwaqqfu milli jarmu ikel li jittiekel bħala skart imħallat, xi ħaġa li diġà daħlet fis-seħħ lokalment u kif il-plastik għandu jibda jiġi intaxxat jew ikun kompletament ipprojbit.

Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew

Bħala parti mill-manifest tagħhom huma qegħdin jipproponu diversi miżuri biex  jgħinu l-ħaddiema madwar l-UE. Fost dawn insibu l-pjan sabiex il-ħaddiema Ewropej ikollhom numru tas-sigurtà soċjali li jibqa’ l-istess tmur fejn tmur fl-UE. Huma jemmnu li dan se jkun pass importanti sabiex jiġu żgurati d-drittijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jimxu minn pajjiż għall-ieħor tal-UE minħabba x-xogħol. Fl-istess waqt huma jridu li jipproteġu aktar id-drittijiet tal-immigranti u li titwaqqaf darba għal dejjem l-esplojtazzjoni u tal-iskajvitù fl-Ewropa.

Min isalva l-immigranti m’għandu qatt jitqies bħala kriminali

Fil-manifest tagħhom il-Ħodor/EFA saħqu li l-pożizzjoni tagħhom fuq l-immigrazzjoni hi ċara. Huma jemmnu li għandna niżguraw li l-immigranti kollha jiġu ttrattati b'dinjità u b'rispett.

Huma qed jappellaw għal sistema alternattiva flok dik li timxi fuq it-trattat ta’ Dublin li skonthom tħalli l-Istati Membri tal-fruntieri tal-Mediterran, bħal Malta, kompletament responsabbli għall-problema tar-refuġjati.

 Minkejja dan huma appellaw li l-kontrolli tal-fruntieri għandhom jiżguraw li persuni fil-bżonn jistgħu effettivament jirreġistraw talba għall-ażil, inkluż l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil fil-pajjiż li jaslu fih.

Min-naħa l-oħra, jemmnu li dawk li jgħinu lir-refuġjati m’għandhom qatt jitqiesu bħala kriminali. Wieħed jista' jqis din il-proposta bħala referenza diretta għall-każ tal-Kaptan tal-bastiment Lifeline, Claus-Peter Reisch illi nhar it-Tnejn illi għadda ġie mmultat €10,000 mill-Qorti Maltija wara li nstab ħati ta’ numru ta’ irregolaritajiet fir-reġistrazzjoni tal-bastiment li huwa uża sabiex isalva l-immigranti f’Ġunju tas-sena li għaddiet.

Bas Eickhout, kandidat tal-Ħodor għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea
Bas Eickhout, kandidat tal-Ħodor għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea

More in Politika