‘Il-partit ta’ Norman Lowell kiber tort tal-PN u l-PL…

…araw kif jitkellmu fuqi b’mod sessist it-trolls tal-partit’

Il-Kap u l-kandidat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia saħaq li huma ż-żewġ partiti l-kbar li jaħtu għaż-żieda fil-popolarità ta' Norman Lowell u l-Partit tiegħu

L-ILLUM tkellmet ma’ Farrugia dwar l-aspirazzjonijiet tiegħu u jekk jaħsibx li l-Partit Demokratiku jista’ jmur tajjeb f’dawn l-elezzjonijiet.

Ma stajniex ma nitkellmux miegħu dar il-fatt li fis-sondaġġi, Norman Lowell qabeż lill-partiti żgħar biex illum huwa t-tielet l-aktar popolari wara l-partiti l-kbar. Dan ma jinkwetahx?

Farrugia ried jiftaħ għajnejn il-votanti waqt li ddeskriva l-partiti ta’ Lowell bħala razzist u sessist.

Kien hawn li tefa’ t-tort kollu f’idejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. “Ħares lejn it-trolls tagħhom fuq il-midja soċjali u ara kif jitkellmu fuqi b’mod sessist jew kif nispiċċa mhedded għax ngħid dak li hu,” saħaq Farrugia.

Saħaq li min qed jaħseb li vot lil Lowell huwa vot ta’ protesta sejjer imqarraq.

'Imma l-partiti ż-żgħar għandhom ċans?

Mat-tabib Farrugia tkellimna fit-tul dwar jekk jaħsibx li l-partiti żgħar jistgħux imorru tajjeb fl-elezzjonijiet ta’ nhar is-Sibt u jekk ikunux tilfu ċans tad-deheb jekk ma jagħmlu xejn. Iżda Farrugia ftit deher inkwetat għax saħaq li għandu fiduċja fl-elettorat.

“Jekk l-elettorat jivvota lill-PD u partiti oħra żgħar ikun qiegħed jagħti sinjal lill-partiti l-kbar... Vot lill-PD huwa essenzjali,” inisista, waqt li fakkar li l-PD diġà għandu rappreżentanza fil-Parlament Malti u għalhekk rappreżentanza fil-Parlament Ewropew iżżid is-sinerġija.

Iżda din hija wkoll l-ewwel elezzjoni li l-PD se jikkontesta waħdu. Kemm hu fiduċjuż li jista’ jġib riżultat tajjeb f’din l-elezzjoni?

Farrugia kien xi ftit jew wisq metaforiku: “Nemmen li kull żerriegħa tagħmel siġra ġdida u dik is-siġra ġdida tagħmel il-frott tagħha. Il-frott tal-PD huwa meħtieġ fil-politika tal-lum,” insista Farrugia. “Il-PD huwa ċ-ċavetta. Jalla bl-għodda politika ta’ partit, il-lealtà tkun aktar lejn il-pajjiż milli lejn il-partit.”

Iżda fakkarnieh li ħafna qabel il-PD kien hawn l-Alternattiva Demokratika. Allura jemmen li l-PD jista’ jwettaq dak li l-AD ma għamlitx f’dawn is-snin kollha?

‘Il-PD beda mill-prinċipji ta’ Malta Tagħna Lkoll’

Saħaq li l-PD ħadem b’mod differenti. Iddeskrivieh bħala d-dar naturali ta’ dawk li jħaddnu prinċipji demokratiċi u liberali, li ngħaqdu flimkien.

“Il-partit huwa żgħir iżda strateġikament qiegħed f’pożizzjoni li jsaħħaħ lil Malta. Kull vot li se jingħata lill-PD huwa vot ta’ tama u verità, li dak li qed niżirgħu qiegħed joffri politika ta’ konvinzjoni.”

Li ssejjaħ l-elezzjoni tal-MEPs bħala referendum fuq l-abort hija wġigħ ta’ qalb għax tfisser li qed nitkellmu fuq is-suġġett għall-konvenjenza politika

Kien hawn li Godfrey Farrugia saħaq li wieħed jista’ jgħid li l-għeruq tal-PD bdew mill-prinċipji ta’ moviment ta’ Malta Tagħna Lkoll.

“Aħna għalhekk nitkellmu fuq l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u ħriġna bl-islowgan ‘Pajjiżna f’Qalbna,’ u ġie kkupjat,” insista.

Għaqda bejn PD u AD: ‘nibqgħu miftuħa għal kollox’

Staqsejnieh jekk kienx ikun għaqli kieku ngħaqdu mal-AD biex ikunu forza akbar f’dawn l-elezzjonijiet. Fakkar li bejn iż-żewġ partiti diġà hemm koperazzjonijiet, iżda saħaq li d-diskussjonijiet bdew tard wisq biex sa dawn l-elezzjonijiet setgħu jiffurmaw bejniethom xi ħaġa “tanġibbli.”

“Jekk ma jkollokx pjan konsolidat wara xi ħaġa li hija komuni, dik ma taħdimx,” saħaq Farrugia iżda qal ukoll li “l-Partit Demokratiku huwa miftuħ għal kollox,” meta mistoqsi jekk fil-futur jistgħux jingħaqdu.

Kien hawn li tefa’ t-tort kollu f’idejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. “Ħares lejn it-trolls tagħhom fuq il-midja soċjali u ara kif jitkellmu fuqi b’mod sessist jew kif nispiċċa mhedded għax ngħid dak li hu,” saħaq Farrugia.

Saħaq li min qed jaħseb li vot lil Lowell huwa vot ta’ protesta sejjer imqarraq.

‘Id-diskussjoni fuq l-abort bdieha Joseph Muscat’

Ma stajniex ma nitkellmux miegħu dwar l-abort li saret tema ewlenija ta’ din l-elezzjoni.

 “Li ssejjaħ l-elezzjoni tal-MEPs bħala referendum fuq l-abort hija wġigħ ta’ qalb għax tfisser li qed nitkellmu fuq is-suġġett għall-konvenjenza politika,” saħaq Farrugia dwar Delia.

Madanakollu insista li d-diskussjoni bdieha l-Prim Ministru f’Jannar li għadda meta, fi kliemu, bħal sajjetta fil-bnazzi, semma dan is-suġġett, u anke l-Ministru Chris Fearne meta qal li huwa l-abort il-kawża għalfejn Malta waqgħet lura l-indiċi dwar il-kura tas-saħħa pubblika.

Insista li Muscat, fejn tidħol il-kwistjoni tal-ħajja, uża “l-politika tal-konvenjenza” daqs Delia, meta fi kliemu, dawwar il-fehma tiegħu fuq il-Morning After Pill u anke fuq il-iffriżar tal-embrijuni.

Filwaqt li tenna li l-PD huwa kontra l-abort u favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali,  insista li għandha ssir diskussjoni serja dwar is-suġġett.

Xi jkunu l-prijoritajiet tal-PD fl-UE?

Mal-Kap tal-PD tkellimna dwar il-prijoritajiet tiegħu jekk ikun elett, b’Farrugia jisħaq li l-PD bħala partit affiljat mal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi (ALDE) jaħdem fuq ħames temi, jiġifieri fuq: l-immigrazzjoni, is-sigurtà, l-ambjent u l-bidla fil-klima, l-ekonomija etika u istituzzjonijiet li jaqdu liċ-ċittadini.

Fakkar li l-PD diġà kiteb tliet darbiet lill-UE, fuq l-Att dwar il-Whistleblower, il-kuntratti tad-DB u fuq il-kuntratt ta’ San Vinċenz de Paule.

Staqsejnieh f’liema kumitati jixtieq li jaħdem. Saħaq li l-bniedem l-aqwa investiment li għandu huwa saħħtu u marbuta magħha, biex persuna tkun b’saħħitha, l-ambjent irid ikun imħares bħala kapital naturali. Għalhekk, Farrugia jixtieq jaħdem fil-Kumitat dwar is-Saħħa jew inkella f’dak il-kumitat li jindirizza kwistjonijiet ambjentali.

Il-mina u l-kaċċa. X’jagħmel fil-PE?

Dwar il-mina, Farrugia insista li l-proġett “diġà beda minn siequ.” Insista li l-istudji li saru sa issa mhux jindirizzaw diversi kwistjonijiet, fosthom ir-rimi tal-iskart, ir-rapport ġeoloġiku ma ġiex imħabbar u ħadd ma jaf x’inhi l-istrateġija dwar ir-reklamazzjoni li ntrabtet ma’ dan il-proġett.

Jien nindokra l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin u l-interess ta’ pajjiżi fuq kollox. Qabel il-partiti u qabel kull ideoloġija. Jekk il-Gvern jgħaddas rasu u jitfa’ lil pajjiżna wiċċu lejn is-sur, nitkellem kontra l-Gvern imma mhux kontra Malta

“Tista’ qatt tkun konvint li l-affarijiet qed isiru sew meta bdew jitħabbru s-sejħiet u l-istudji għadhom nofs sajran?” staqsa Farrugia. “Il-mina mhijiex vijabbli.”

Kien hawn li Farrugia insista li jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew, hu u l-kandidati l-oħra tal-PD ikunu lesti li jikkritikaw il-Gvern fejn ikun hemm bżonn, iżda qatt biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż.

“Jien nindokra l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin u l-interess ta’ pajjiżi fuq kollox. Qabel il-partiti u qabel kull ideoloġija. Jekk il-Gvern jgħaddas rasu u jitfa’ lil pajjiżna wiċċu lejn is-sur, nitkellem kontra l-Gvern iżda ma jfissirx li nkun qed nitkellem kontra Malta,” saħaq Farrugia.

Dwar il-kaċċa, Farrugia kien skjett. “Jekk se nitkellem fuq sostennibbilità miegħi ma hemmx kantunieri… Nifhem li l-kaċċa hija tradizzjoni b’saħħitha. Nifhem li dan il-mistier għandna nħaddnuh. Jekk se nitkellmu fuq kaċċa inġenerali nimxi mas-sostennibbilità. Dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jiena ma naqbilx,” temm jisħaq.

More in Politika