Il-PL jikkonferma li Muscat huwa l-aqwa karta li jista' jilgħab ftit jiem qabel l-elezzjoni

Il-PL ilu jisħaq li nhar is-Sibt il-poplu se jagħżel bejn Muscat u Delia. L-aħħar billboard tal-PL jikkonferma li Muscat huwa l-aqwa karta li jista' jilgħab il-PKL

Jekk il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li din mhijiex elezzjoni li tbiddel il-Gvern, il-Partit Laburista ilu aktar minn xahar jinsisti li l-elezzjoni tas-Sibt li ġej se tagħżel bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.

L-aħħar billboard tal-kampanja 'Malta f'Qalbna' tal-Partit Laburista hija prova ta' kemm il-kampanja tal-Partit Laburista hija ċċentrata fuq Joseph Muscat.

Fil-fatt nistgħu ngħidu li anke jekk f'din l-elezzjoni, il-votanti se jkunu qed jagħżlu l-Ewroparlamentari u l-kunsilliera, Joseph Muscat xorta waħda huwa meqjus bħala l-aqwa karta li jista' jilgħab il-Partit Laburista.

Fil-fatt, anke jekk Adrian Delia qed jibqa' jinsisti li "din mhijiex elezzjoni Presidenzjali," il-messaġġ li qiegħed iwassal il-Partit Laburista, anzi direttament il-Prim Ministru, huwa bil-kontra.

"Erġgħu kunu miegħi," huwa l-messaġġ ta' Joseph Muscat li jindika li aktar minn rebħa għall-Ewroparlamentari li se jkunu eletti, jew għall-Partit Laburista, l-elezzjoni tas-Sibt tista' tkun rebħa oħra għal Joseph Muscat.

Jorbot ma' dan huma wkoll il-messaġġi tal-Prim Ministru biex f'din l-ewwel elezzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, il-votanti jagħtu messaġġ lil dawk, li fi kliem il-Partit Laburista, qalu "l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija."

Wieħed għadu jrid jara x'se jkun l-aħħar billboard tal-Partit Nazzjonalista. Mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta billboard b'wiċċ il-kapijiet tiegħu, inkluż Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, għalkemm din id-darba l-istorja taf tkun differenti.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jargumenta li din mhux elezzjoni bejn il-partiti jew bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk x'aktarx li wiċċ Delia se jkun nieqes mill-billboard.

Iżda apparti dan, ngħiduha kif inhi, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, Adrian Delia żgur mhuwiex l-aħħar u l-aqwa karta li jista' jilgħab il-Partit Nazzjonalista ftit jiem qabel l-elezzjonijet.

More in Politika