Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza tisħaq li qtil razzista ma jsir qatt f'iżolament

L-NCPE tisħaq li l-istituzzjonijiet Maltin għandhom jagħmlu riflessjoni serja sabiex jaraw fejn fallew u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) saħqet li każijiet ta’ qtil b’motivazzjoni razzista, iseħħu fejn iseħħu, qatt ma jkunu inċidenti iżolati iżda huma dejjem marbuta ma’ kuntest ta’ inugwaljanza u aġir ta’ mibegħda normalizzat

L-NCPE qalet dan fi stqarrija wara li żewġ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) ittellgħu l-qorti akkużati bil-qtil b’motivazzjoni razzista ta’ Lassana Cisse Souleymane u l-feriment ta’ żewġ immigranti Afrikani f’Ħal Far fis-6 ta’ April.

“L-NCPE tqis dan l-inċident bħala att kriminali tal-ikbar gravità, fejn persuna inqatlet minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha, f’azzjoni li nisslet biża’ f’komunitajiet f’Malta,” saħqet il-Kummissjoni.

Insistiet li minħabba l-mibegħda razzista, il-persuni li jistgħu jisfaw vittmi ta’ din il-mibegħda huma numerużi u jinkludu ċittadini Maltin ta’ kulur tal-ġilda differenti kif ukoll dawk kollha meqjusa bħala differenti u inferjur.

Is-soċjetà u l-istituzzjonijiet Maltin għandhom jagħmlu riflessjoni serja sabiex jaraw fejn fallew u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex il-gruppi soċjali kollha f’Malta jitqiesu u jiġu trattati bħala membri ta’ valur ugwali fis-soċjetà. Il-każijiet kollha ta’ razziżmu, diskriminazzjoni u intolleranza huma ta’ theddida għas-soċjetà demokratika u għalhekk għandhom jittieħdu bis-serjetà kollha li jistħoqqilhom,” insistiet il-Kummissjoni.

Kompliet tgħid li tittamma li l-pjanijiet biex tissaħħaħ l-NCPE permezz tat-twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittjiet Umani u l-Ugwlajanza (HREC) isaħħu il-kapaċità li jiġu indirizzati każijiet ta’ razziżmu u diskriminazzjoni, inkluż diskors ta’ mibegħda.

More in Politika