Il-PM jemmen li l-inkjesta interna fl-Armata għandha tkun ippubblikata

Muscat jisħaq li hemm sens ta' dispjaċir u rimors fil-Forzi Armati ta' Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jemmen li wara li tintemm l-investigazzjoni li għaddejja fil-Forzi Armati ta’ Malta, hekk kif żewġ suldati qed ikunu akkużati bil-qtil razzist ta’ Lassana Cisse Souleyman, il-konklużjonijiet għandhom ikunu ppubblikati.

Muscat qal dan waqt li kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dalgħodu u meta kien mistoqsi minn ġurnalist tal-MaltaToday jekk jaħsibx li l-armata naqsitx meta baqgħet siekta dwar l-arrest ta’ dawn iż-żewġ suldati.

Fit-tweġiba tiegħu Muscat qal li se jħalli f’idejn l-armata biex titkellem hi u tgħid min huma l-persuni li qed iwettqu din l-investigazzjoni interna.

Huwa qal li hemm sens ta’ dispjaċir u rimors fil-Forzi Armati ta’ Malta.

“Nies minn kull livell tal-organizzazzjoni huwa ċar għalihom li dan ma jirrappreżentax l-ethos tax-xogħol tagħhom,” insista l-Prim Ministru.

Muscat qal li dan ma għandux inessi lanqas ix-xogħol tal-Forzi Armati ta’ Malta u kif dawn salvaw eluf ta’ ħajjiet mill-baħar.

Insista li dan mhux każ fejn tintrefa' responsabbilità politika waqt li insista li meta fl-2011 kien hemm każ ta’ immigrant li miet, ħadd ma ħareġ jisħaq li għandha tintrefa’ r-responsabbilità politika.

Huwa saħaq li l-inkjesta interna għandha tistabbilixxi jekk l-Armata tgħallmitx mninn inċidenti li seħħew fl-2010 u fl-2011 meta immigranti mietu waqt li kienu fid-detenzjoni.

More in Politika